It-tempju ta’ Ħaġar Qim flimkien ma’ siti storiċi f’pajjiżna taħt il-protezzjoni ta’ Heritage Malta, se jiffurmaw parti integrali minn esperjenza virtwali ġdida li tnediet il-Ħamis filgħodu.
Dan hekk kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu daħlet f’kollaborazzjoni mal-aġenzija ewlenija tal-patrimonju Malti, sabiex dawn is-siti jkunu aċċessibbli b’mod virtwali.
Is-Sur Zammit spjega: “Heritage Malta u l-MTA fiċ-ċentru tal-istrateġija tagħhom hemm it-turist u għalhekk illum varajna mhux inqas minn 30 filmat fuq mużewijiet u siti tagħna wirt kulturali sabiex nippromwovu il-wirt kulturali tagħna ‘il barra minn pajjiżna u dak hu l-qofol tagħna llum.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli stqarret li b’din il-kollaborazzjoni, wieħed se jkun jista’ jara lil pajjiżna issa u jżuru wara l-pandemija.
Hija sostniet: “Fi żmien meta Malta għalqet il-bibien tagħha ħassejna li għandna naħtfu l-opportunità biex nuru lil Malta b’mod virtwali. Il-ministeru tat-turiżmu flimkien mal-MTA ħadem dan il-proġett flimkien ma’ Heritage Malta biex nagħtu togħma ċkejkna lit-turist tal-postijiet storiċi li jistgħu iżuru.”
Il-Ministru għal Wirt Nazzjonali Josè Herrera qal li huwa essenzjali li l-entitajiet fil-qasam turistiku u l-wirt nazzjonali jikkolaboraw flimkien biex jattiraw turisti ta’ kwalità.