Bosta artisti u ġurnalisti telqu mill-Belt Valletta, permezz ta’ lanċa biex jesploraw għadd ta’ installazzjonijiet ta’ arti kontemporanja fi ħdan siti storiċi madwar il-gżira Għawdxija.
Mal-wasla tagħhom, l-artisti u l-mistednin intlaqgħu mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien maċ-Chairman ta’ Heritage Malta u l-President tal-maltabiennale.art Mario Cutajar, fejn flimkien, inawguraw il-wirja fuq din il-gżira.
Il-Ministru Camilleri enfasizza l-isforzi sinifikanti li saru biex il-belt storika taċ-Ċittadella, li bħalissa qed jintwerew fiha għadd ta’ installazzjonijiet sinifikanti bħala parti mill-maltabiennale.art, tingħata l-ħajja mill-ġdid.
Dan jenfasizza l-wirt kulturali rikk ta’ Għawdex, li jistieden lill-viżitaturi biex jintefgħu f’esplorazzjoni immersiva ta’ arti kontemporanja mitfugħa quddiem l-isfond ta’ siti storiċi Għawdxin.
“Mill-bidu, l-għan tagħna kien li nassiguraw li dan l-ewwel biennale jkun aċċessibbli għan-nies tal-post u għall-viżitaturi huma u jesploraw il-gżejjer tagħna, filwaqt li nipprovdulhom l-opportunità unika biex jesperjenzaw l-arti u l-wirt storiku permezz tad-diversità kulturali ta’ Malta u Għawdex. Għawdex għandu post speċjali fl-istorja, mit-tempji l-qodma tal-Ġgantija għall-grandjożità taċ-Ċittadella u lil hinn. Għalhekk, kien xieraq li l-biennale nestenduh għall-gżira sabiħa ta’ Għawdex,” stqarr Mario Cutajar, il-President tal-maltabiennale.art.
Il-programm sħiħ tal-biennale – li jinkludi dettalji dwar il-padiljuni prinċipali, il-padiljuni nazzjonali u tematiċi, workshops, kif ukoll mużika anċillari, teatru, u żfin – jinstab żżur is-sit maltabiennale.art.