Is-sit awtorevoli ‘Investment Migration Insider’ innota kif Malta kienet fost l-iktar pajjiżi preparati għall-imxija tal-Coronavirus.
Fil-fatt, is-sit semma kif sal-wieħed u għoxrin ta’ April, Malta kienet l-iktar pajjiż minn fost numru ta’ pajjiżi li jiffurmaw parti mill-indiċi msejjaħ RCBI, li għamlet testijiet għall-Virus. Dan hekk kif sal-ġurnata imsemmija kienu saru ‘il fuq minn 59,000 test għal kull miljun persuna li toqħod fil-pajjiż b’mod proporzjonali. Ekwivalenti għal test fuq persuna minn kull 20.
Ir-rapport jgħid li għalkemm wieħed irid iħalli iżjed żmien jgħaddi sabiex ikollu stampa iktar ċara ta’ min hu l-iktar preparat, jidher ċar li Malta qed tkun ta’ eżempju għal pajjiżi oħra.
Is-sit jinnota li madwar id-dinja, tliet pajjiżi oħra biss għandhom rata ogħla ta’ testijiet, li huma l-Iżlanda, il-gżejjer Faroe u l-Emirati Għarab Magħquda, li kważi kollha għandhom popolazzjonijiet iżgħar minn ta’ Malta.
Ir-rapport jinnota li r-rata baxxa ta’ imwiet kawża tal-Coronavirus f’pajjiżna hija mertu għall-ħidma tal-awtoritajiet tas-saħħa li qed jagħmlu daqstant testijiet fuq il-popolazzjoni.
Dan iċ-ċertifikat pożittiv għal pajjiżna jibni fuq dak li qalet l-Għada Dinjija tas-Saħħa, li għażlet lil Malta bħala pajjiż eżemplari ta’ kif qed jilqa’ għall-imxija tal-Coronavirus li qed tolqot lid-dinja kollha.