Sit ibbażat fi Brussell mhux biss irtira storja giddieba li allegat li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħa flus fuq skema tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment lil xi ħadd Russu iżda issa ammetta li ppubblika storja mimlija allegazzjonijiet foloz.
Is-sit EU Reporter, li kien ħareġ l-istorja, issa qal li din hija storja giddieba wara li kien allega li bint Carmen Ciantar, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizz Mediċi rċeviet il-flus biex imbagħad jgħaddu għand Fearne.
Is-sit qal li d-dokument li suppost kien juri l-prova ta’ dan kien fil-fatt falz u ffabbrikat.
Chris Fearne kien ċaħad l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu minnufih. L-istess għamlet Ciantar.
Dawn l-istejjer mill-ewwel dehru dubjużi u li kienu ffabbrikati tant li anki r-rapport tal-EU Report kien tħassar u ma baqax jidher online ftit wara dak li kien ġie allegat.
Is-sit EU Report li issa ammetta li ppubblika artiklu giddieb qal li ma għamilx il-verifiki meħtieġa u bir-reqqa fuq l-allegazzjonijiet li saru mill-kittieba Ukrena.
L-istorja giddieba dwar Chris Fearne fost oħrajn hija oħra minn sensiela ta’ stejjer giddieba u foloz li l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla jibni fuqhom.
Il-Partit Nazzjonalista uża l-midja tiegħu biex jimmonta stejjer bħal dawn fosthom dwar tattiċi li kienu intużaw anki minn Simon Busuttil dwar l-elezzjonijiet u li għalihom reġa’ kien hemm ċaħdiet kategoriċi.
L-istess bħal ma ġara f’rapport li għamlu ta’ NET News dwar suppost għeluq ta’ kumpanija tal-gaming li keċċiet in-nies f’pajjiżna iżda mbagħad kienet pronta ċ-ċaħda u t-tweġiba mill-kumpanija nnifisha li esponiet il-gideb tal-Partit Nazzjonalista.