fondi.eu huwa sit elettroniku ġdid li jgħaqqad flimkien sitt siti preċedenti. Huwa sit li lil min ikun irid aċċess għal informazzjoni dwar fondi Ewropej se jiswielu mitqlu deheb.
Dan is-sit il-ġdid tħabbar fl-istess jum meta l-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, ħabbru l-programmi operattivi għall-pakkett ta’ fondi Ewropej li kisbet Malta, li jammonta għal €2.2 biljun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon, spjegat li f’dan is-sit wieħed jista’ jsib l-informazzjoni kollha li għandu bżonn biex jaċċessa l-fondi Ewropej.
“Wieħed fiha jista’ jsib informazzjoni, pereżempju min imexxi dawn il-fondi, fejn wieħed jista’ japplika, x’tip ta’ informazzjoni, x’tip ta’ opportunitajiet ta’ fondi hemm miftuħa. Qed tinħoloq katina sħiħa, anki mal-website sem.gov.mt, fejn qed inkomplu hemmhekk nagħtu aktar informazzjoni dwar il-fondi kollha tal-Unjoni Ewropea. Allura hemmhekk niffaċilitaw lil dak li jkun forsi jfittex aktar informazzjoni jew ikun jaf iktar dwar fondi Ewropej, isibhom f’sit wieħed li jikkumplimenta l-kampanja sħiħa li għaddejja biex jiġi simplifikat il-proċess ta’ kif wieħed japplika għall-fondi Ewropej, imma fuq kollox li nagħtu aktar aċċess għal fondi Ewropej għal kulħadd.”