Ġie inawgurat outdoor gym ġdid fin-Naxxar f’post li kien ilu snin abbandunat, u li issa nbidel fi spazju rikreattiv b’investiment ta’ mitejn u tletin elf ewro.
L-Awtorità tal-Ippjanar, permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp, iffinanzjat ‘il fuq minn €120,000, jiġifieri aktar minn nofs l-ispejjeż allokati għal dan il-proġett, li se jġib bosta benefiċċji lill-komunità tan-Naxxar.
ONE News tkellem ma’ residenta min-Naxxar, li esprimiet il-ferħ tagħha li hemm spazju miftuħ fejn tista’ tagħmel ftit eżerċizzju u appellat lil kullħadd biex jagħmel użu mit-tagħmir b’mod responsabbli.
Qalet, “Dan il-ġnien ġie sabiħ ħafna, hawn ħafna x’jistgħu jagħmlu u jintuża sew . L-eżerċizzju huwa importanti ħafna, li huwa barra hija xi ħaġa sabiħa wkoll. Tajjeb u nispera li jkun hawn min jużah għax la hawn tajjeb li jintuża.”
Is-Sindku tan-Naxxxar qalet li l-għan ewlieni tal-Kunsill Lokali huwa li jaħseb għall-ġid ta’ kull ċittadin biex ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Stqarret, “Aħna bħala Naxxar dejjem naraw open spaces għan-nies allua minn parti żgħira żidnieha biex sstajnanagħmlu aktar equipment ħalli n-nies ikunu jistgħu jagħmlu naqra eżerċizzju, jagħmlu workouts flimkien mal-familji għax tfal sa tnax-il sena jistgħu jagħmlu l-workout mal-familja kollha u aħna hekk irridu li jkollhom ħajja attiva mhux seditarja u mmorru d-dar nibqgħu bilqiegħda naraw it-television. Aħna riedna n-Naxxarin tagħna jagħmlu workouts u jħossuhom ħafna aħjar.”
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi Stefan Zrinzo Azzopardi, li spjega kif dan is-sit se joffri ambjent sigur għal nies ta’ kull età u kapaċitajiet biex jagħmlu attivita fiżika u jgħixu stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha.
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, li faħħret lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar tal-impenn tiegħu biex bidel żona għal karozzi, f’post rikreattiv għar-residenti.
Oliver Magro, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar qal li dan il-proġett huwa riżultat ta’ sforz kollaborattiv li għaraf il-bżonn ta’ riżorsi aċċessibbli għall-eżerċizzju fiżiku.