Il-kumpanija WasteServ qed tirrevedi s-sistemi interni tat-trasport tal-iskart biex tiżgura li dan jiġi trasferit minn faċilità għall-oħra bl-aktar mod effiċjenti u ambjentalment sostenibbli, ħalli tiġi mmassimizzata l-ġenerazzjoni tar-riżorsi mill-iskart.
Is-sistema, li se jkollha tul ta’ madwar tliet kilometri li jkopri s-sit ECOHIVE, hija proposta li ssir b’tali mod li tagħmel użu effiċjenti minn enerġija li tnaqqas it-tniġġis tat-traffiku fil-kumpless u fl-inħawi, kif spjegat il-Perit Johanna Portelli.
Qalet li, “L-impjanti li qed nipproponu ħa jiġġeneraw ħafna tipi ta’ skart differenti u għalhekk għandna bżonn sistema fissa u li tkun sostenibbli u effiċjenti biex nittrasferixxu l-iskart minn impjant għall-ieħor.”
Hija spjegat ukoll li din is-sistema se tkun fissa u awtomatizzata.
Spjegat kif, “Jiġifieri ma tkunx taħdem b’sistema ta’ vetturi fl-impjant kif qiegħda bħalissa, tkun fixed on site basically u allura nkunu qed innaqqsu l-carbon footprint u ntejbu l-ambjent kemm tal-kumpless u anki tal-inħawi tal-madwar.”
Il-Perit Jean Luke Zarb spjega li għal dan il-għan, ħarġet konsultazzjoni preliminari tas-suq li se tgħin lit-tim responsabbli minn dan il-proġett biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar id-disponibbiltà fis-suq.
Qal li, “Bħala mod ta’ kif aħna se nkunu qed insibu l-aħjar sistema, qegħdin noħorġu konsultazzjoni preliminari fuq is-suq biex l-esperti jagħtuna l-ħsibijiet tagħhom qabel aħna mmorru għall-kuntratt li jwassal għad-disinn.”
Wieħed jista’ jsib id-dokumenti msemmija fuq is-sit ecohive.com.mt/tenders.