- Fost oħrajn trasport pubbliku għall-ħaddiema
Il-Fondazzjoni tas-Central Business District qed taħdem fuq pjan ta’ traffiku ġdid għaż-żona kummerċjali tal-Imrieħel. Dan il-pjan hu ħolqa oħra f’għadd kbir ta’ inizjattivi li ttieħdu sa issa biex din iż-żona togħla fil-livell b’mod li n-negozji jkunu jistgħu jesponu aħjar il-kwalità tal-prodott u s-servizz li joffru. Dan filwaqt li jkunu attirati negozji ġodda.
Il-fondazzjoni, li twaqqfet f’Marzu 2016, qed tara dan bħala l-pass li jmiss wara li saret manutenzioni u resurfacing ta’ toroq, tisbiħ fiż-żona u titjib fil-mod kif jinġabar l-iskart b’mod regolari. Dan f’żona b’iktar minn 260 negozju u madwar 8,000 impjegat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Keith Fenech qal lill-gazzetta KullĦadd li “l-Fondazzjoni qed taħdem bis-sħiħ fuq il-konġestjoni tat-traffiku li joħloq inkonvenjent, telf ta’ żmien u perikli bla bżonn.”
Għal dan il-għan, bl-għajnuna u l-gwida ta’ Transport Malta, tfassal pjan għar-riġenerazzjoni tat-traffiku ġewwa l-Imrieħel. Kien hawn li Fenech spjega t-tliet għanijiet ewlenin ta’ dan il-pjan. “Li tiġi organizzata s-sistema tat-traffiku ħalli titnaqqas il-konġestjoni hu wieħed mill-għanijiet. Imbagħad hemm li tiġi ffaċilitata il-‘way finding’ ħalli kull min jiġi ġewwa l-Imrieħel ikun jista’ jsib id-destinazzjoni tiegħu b’mod faċli u finalment li jiġi introdott is-servizz ta’ trasport pubbliku ħalli dawk il-ħaddiema li wrew rieda li jużaw dan il-mezz ta’ transport ikunu jistgħu jinqdew,” spjega Fenech.
Hu fisser li hekk kif tħejja l-pjan, inbeda proċess ta’ konsultazzjoni u sensiela ta’ laqgħat mal-operaturi. Biex eventwalment ikun implimentat fit-tielet kwart ta’ din is-sena bi spiża ta’ madwar €300,000.
Fenech qal li sa issa l-pjan intlaqa’ tajjeb ħafna u hemm stennija sabiex jibda jiġi implimentat. Naturalment bidla bħal din mistennija tqajjem ukoll mistoqsijiet u ġġib xi oġġezzjonijiet u Fenech estenda l-koperazzjoni tiegħu biex kull min se jkollu xi lment meta jiġi implimentat il-pjan jitkellem miegħu ħalli jinstabu s-soluzzjonijiet. Fuq kollox Fenech tenna l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li jsib mill-operaturi privati u mill-entitajiet governattivi speċjalment dawk li jemmnu bis-sħiħ f’dan il-proġett.