Mill-bidu ta’ Ġunju se tidħol fis-seħħ sistema ta’ Resident Priority Parking għal numru ta’ toroq fil-Gudja li jinsabu fiż-żona viċin l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għat-Trasport, fejn intqal li dan qed iseħħ wara li għal numru ta’ snin, ir-residenti ffaċċjaw problemi hekk kif il-parkeġġ f’dawn it-toroq kien qed jiġi meħud minn persuni li jħallu il-karozza ipparkjata f’din iż-żona għal diversi jiem waqt li jkunu msefrin.
Intqal li l-Ministeru, b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Gudja, ħadem fuq sistema li se tgħin biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv.
Ir-regoli li se jidħlu fis-seħħ mil-1 ta’ Ġunju se jaraw li:
- Parkeġġi se jkunu esklussivament riservati għar-residenti bejn it-8pm u s-7am.
- Vetturi mhux awtorizzati se jiġu rmunkati: biex dan ir-regolament jiġi infurzat b’mod effettiv, vetturi mhux awtorizzati li jinsabu pparkjati matul il-ħinijiet ristretti se jiġu rmunkati, u b’hekk jiġi liberat l-ispazju għar-residenti.
- Se tissaħħaħ il-preżenza ta’ uffiċjali tal-LESA u Transport Malta fiż-żona.
Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett spjega li dawn il-miżuri għandhom l-għan li jipprovdu kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti kollha tal-Gudja, filwaqt li jiżguraw li l-ispazji għall-parkeġġ jiġu utilizzati b’mod effiċjenti u ġust.
Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella Gafà, uriet l-apprezzament tagħha għas-sapport tal-gvern li sema’ t-talba tal-kunsill u ħadmu biex jitwettqu dawn l-inizjattivi filwaqt li sostniet li l-kunsill lokali ser jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-komunità Gudjana.
Intqal kif il-Kunsill Lokali tal-Gudja se jkollu r-responsabbilità tal-implimentazzjoni loġistika tas-sistema u għalhekk ir-residenti li jgħixu fit-toroq affettwati se jiġu kkuntattjati mill-kunsill lokali fil-ġranet li ġejjin.