Fiż-Żurrieq se tiġi installata sistema ta’ kanali li jiġbru l-ilma tax-xita, b’investiment ta’ madwar miljun ewro.
Ħabbar dan il-proġett il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi, li qal li dan il-proġett se jindirizza l-problema tal-għargħar fi Triq Bronja u ż-żoni tal-madwar.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett, li se jagħmel differenza kbira anki f’toroq dojoq fl-akkwati fejn ma jistgħux isiru bankini.
B’dan il-proġett se jiġu indirizzati l-każijiet fejn l-ilma tax-xita jidħol f’bini eżistenti, biex ma tinħoloqx aktar inkonvenjenza għar-residenti ta’ dawn l-inħawi.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dan se jkun intervent ieħor minn kullana ta’ proġetti riċenti biex tittaffa l-problema tal-għargħar fuq skala nazzjonali u biex l-ilma jinġabar bħala riżorsa alternattiva bl-aħjar mod possibli.
Il-Perit responsabbli mill-proġett, George Schembri, spjega li dan il-proġett se jikkonsisti fil-bini ta’ kanali, b’tul ta’ aktar minn kilometru. Intqal li dan il-proġett se jkun lest f’Novembru li ġej.
Min-naħa tagħha, is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, laqgħet dan l-investiment, u qalet li dan se jtaffi l-problema tal-għargħar fil-qalba ta’ din il-lokalità.