B’investiment ta’ ftit aktar minn erba’ miljun ewro, l-isptar San Vinċenz de Paul se jibda proġett fuq medda ta’ 18-il xahar li se jara t-tibdil tas-sistema tal-arja kkundizzjonata f’21 sala.
Dan filwaqt li se jinbidlu wkoll is-suffetti u d-dwal se jinbidlu kollha ghal LEDs. Dan sabiex ir-residenza tkompli żżid l-istandards ta’ konservazzjoni ta’ enerġija hekk kif se tkun qed tibdel is-sistemi li ilhom hemm għal kwart ta’ seklu.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li ftit aktar minn tliet miljun ewro ġejjin minn fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għall-anzjanità attiva, Silvio Parnis stqarr kif dan il-proġett se jagħmel differenza fil-ħajja ta’ tmien mitt anzjan.
“Nixtiequ naraw li l-anzjan jgħix kuntent u jgħix kif jixraq fl-aħħar żminijiet ta’ ħajtu u f’dan il-proġett li qiegħdin nagħmlu ta’ 3.1 Million u wkoll il-gvern se jkun qed joħroġ miljun ma dan il-proġett, biex inkunu nistgħu nagħmlu sistema ta’ airconditions f’21 sala illi ser nieħdu ħsieb li fi tmintax -il xahar dan il-proġett jiġi mitmum.” Stqarr Parnis.
Is-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq kif issa l-pakkett ġdid ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jindirizza strateġiji ambjentali fosthom żieda fl-effiċċjenza tal-enerġija.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq, “Dan huwa wieħed minn dawk il-proġetti li jżewweġ numru ta’ miri importanti, kemm dak li huma miri ta’ qasam soċjali fejn hawnhekk qiegħdin f’residenza għall-kura għat-tul għall-anzjani, kif ukoll jilħaq miri, dawk li huma relatati mal-bidla fil-klima. Li jkollna aktar enerġija effiċjenti, li jkollna sistemi li jużaw inqas enerġija biex anke nilħqu miri b’rabta mal-bidla fil-klima.”
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, qal li għalkemm il-Gvern qed jagħmel ħiltu biex aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità, saħaq li dawk li jgħixu fl-isptar San Vinċenz de Paule ukoll għandhom igawdu minn kwalità tal-ħajja.
Saħansitra l-Kabinett qed jiddiskuti numru ta’ standards li ġew imfassla mill-Awtorità tal-istandards għall-ħarsien soċjali.
“L-istandards qed nagħmluhom għal kulħadd, sew dawk li huma istituzzjonijiet privati u sew dawk li huma istituzzjonijiet li huma tal-gvern. Aħna mhux biss lejn in-numru rridu nħarsu ta’ sodod imma rridu nħarsu wkoll lejn il-kwalità tal-ambjent li jkollhom l-anzjani tagħna.” Temm jgħid il-Ministru Falzon.