“Fiż-żmien li ġej qed naraw sistema diġitali ġdida offruta mill-kunsilli lokali li tkompli tagħti l-opportunità lir-residenti jinqdew u jirċievu għadd akbar ta’ servizzi mill-kumdità ta’ djarhom fi x’ħin jeħtieġu.” Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ erba’ mija u sitta u sebgħin bejn sindki u kunsillieri li se jifformaw id-disgħa u sittin kunsill f’Malta u Għawdex.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-kunsilli lokali huma kollaboraturi ewlenin fil-bidliet li jridu jkomplu jsiru bħala pajjiż. Għalhekk sejjaħ lill-kunsillieri bħala aġenti għal bidla li twassal titjib fil-ħajja tan-nies fil-komunità.
Ftit qabel ma ħadu l-ġurament il-kunsillieri f’kunsilli mqassmin f’sitt reġjuni differenti, il-Prim Ministru faħħar id-deċiżjoni li għamlu l-kunsillieri eletti u dawk li ma kinux biex jaħdmu favur il-komunità.
Qal li l-kunsillieri b’esperjenzi differenti, uħud stabbiliti u oħrajn żgħażagħ u uċuh ġodda, għandhom ħaġa waħda komuni, ir-rieda li l-postijiet fejn jgħixu jkunu isbaħ u fihom jiġu offruti l-aqwa servizzi.
Dr Abela, imbagħad, semma li deċiżjonijiet oħrajn li jridu jittieħdu huma dwar spazji miftuħa għan-nies, bħal pjazez, aktar milli għall-karozzi. Fisser dawn bħala deċiżjonijiet kuraġġużi li rridu neħduhom wara li nisimgħu u nikkonsultaw, iżda finalment niddeċiedu u nimplimentaw. Saħaq li l-Gvern ċentrali se jkun mal-kunsilli lokali u, filwaqt li jkompli jinvolvihom, se jappoġġjahom f’ħidma li trid tkun iffokata fuq l-interess tal-lokal.
Indirizzaw ukoll lill-kunsillieri, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Bonnici saħaq li l-kunsilli għandhom jaraw li jibnu fuq it-talenti ta’ kulħadd u jkunu forza pożittiva ta’ bidla bil-għan li r-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Hu tenna li l-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali u semma ż-żidiet fl-allokazzjonijiet finanzjarji u l-istrateġiji li ġew imnedija bħala prova ċara ta’ dan.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli għamlet aċċenn fuq il-perjodu ta’ tibdil u aġġornament li għaddej minnu s-settur tal-Gvern Lokali f’pajjiżna. Hi qalet li biex dan il-qasam ikompli jiġġedded skont il-bżonnijiet li jinbidlu maż-żminijiet, l-imsieħba tal-Gvern Lokali għandhom iwettqu flimkien il-miri u r-riformi indikati fil-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali.