Ix-xogħlijiet fuq sistema ġdida ta’ drenaġġ f’San Pawl il-Baħar qed javvanzaw b’rata mgħaġġla.
Ix-xaft l-aktar fond tal-proġett tlesta, u bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet biex tibda titħaffer mina ta’ 1.9 kilometru permezz ta’ teknoloġija avvanzata mingħajr l-użu tat-trinek, magħrufa bħala microtunnelling. Din is-sistema ġdida se tespandi l-infrastruttura tad-drenaġġ f’din iż-żona.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli meta ltaqgħet mal-impjegati u l-kuntratturi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li qed jaħdmu fuq dan il-proġett. Iż-żjara saret hekk kif ġie ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ilma. Hija kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia.
Dan il-proġett ta’ €6.4 miljun se jtejjeb l-immaniġġjar tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll fiż-żoni residenzjali qrib Kennedy Grove u żoni oħra f’din il-lokalità.
Is-sistema ġdida ta’ drenaġġ hi waħda minn diversi proġetti li l-Korporazzjoni qed timplimenta f’lokalitajiet differenti, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura u l-operat tad-drenaġġ tal-pajjiż, filwaqt li tissodisfa l-bżonnijiet kemm preżenti u kif ukoll dawk tal-futur.
Karl Cilia enfasizza l-importanza tal-proġett ta’ San Pawl il-Baħar.
Qal, “Se nkunu qed niddevjaw id-drenaġġ kollu li bħalissa għaddej minn ġol-qalba ta’ Kennedy Grove f’San Pawl li se jkun iddevjat għall-mina, li minn fuq il-wiċċ tat-triq mhu se jkun qed jidher xejn taħt il-Bypass ta’ San Pawl. Minn hemmek id-drenaġġ jitla’ kollu lejn it-tramuntana tal-pajjiż fil-pjan tad-drenaġġ li għandna biex jiġi ttrattat hemmek.”
Il-Ministru Dalli spjegat li dawn il-proġetti huma parti mill-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali 2023-2033 ta’ €310 miljun tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, bl-iskop li ssir rivoluzzjoni fl-immaniġġjar u s-sostenibbiltà tas-settur tal-ilma u tad-drenaġġ f’Malta.
Qalet, “Qed naraw li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-ilma u anke drenaġġ f’pajjiżna. Fil-fatt dan il-proġett huwa wieħed mill-proġett li jaqgħu taħt il-pjan tagħna ta’ investiment nazzjonali. Bħal dan il-proġett għandna oħrajn fl-inħawi ta’ Birżebbuġa, San Ġiljan, Imsida fost oħrajn.”