Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar li daħħlet fis-seħħ sistema fil-Qorti magħrufa bħala Electronic Court Citation Management System, jew e-CCMS, li se tiffaċilita fost oħrajn il-ġbir ta’ informazzjoni u statistiċi meħtieġa għall-Qorti. Din hija sistema mill-aktar effiċjenti li tgħin sabiex proċessi ġudizzjarji jkunu dejjem aktar spediti, bl-għan ewlieni li l-professjoni legali u anke ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha jgawdu minn servizz konvenjenti u professjonali.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li dan kollu juri kif il-gvern qiegħed ikompli bl-impenn sfieq tiegħu li jsaħħaħ l-istrutturi ġudizzjarji u li jtejjeb is-servizzi offruti mill-Qrati. Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif minbarra l-benefiċċju li n-notifiki jibdew isiru minn kumpanija privata u mhux minn uffiċjali tal-pulizija, hemm il-benefiċċju li kawżi hekk imsejħa sommarji ta’ distretti partikolari, li jġorru magħhom sa sentejn priġunerija, issa se jiġu rreġistrati f’sistema elettronika li hija traċċabbli.
Hekk kif se tkun qiegħda tirfina u ssaħħaħ il-metodu ta’ kif jiġu nnotifikati l-partijiet ikkonċernati fil-kawżi, din is-sistema tagħti lok għal aktar effiċjenza fir-rigward ta’ proċedimenti ġuddizzjarji. Tant, li jekk l-imputat jidher għall-kawża tiegħu, il-kawża tkun tista’ titmexxa u tiġi deċiża f’ħin raġonevoli. Min-naħa l-oħra, jekk l-imputat ma jidhirx għas-seduta minkejja d-diversi tentattivi sabiex ikun notifikat, ma jinħeliex differiment għaliex il-maġistrat ikun jista’ joħroġ mill-ewwel mandat ta’ arrest.
Ir-riżultati pożittivi ta’ din is-sistema kienu riflessi fis-seduti tat-traffiku u tal-familja fejn din is-sistema diġà ġiet introdotta u utilizzata, għaliex kemm akkużati kif ukoll xhieda bdew jiġu notifikati aktar, u għalhekk il-kawżi setgħu jimxu mill-ewwel mingħajr ma jinħlew differimenti.
Il-Gvern qal li huwa se jibqa’ kommess li jkompli jimplimenta aktar riformi meħtieġa biex ir-rule of law u d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fejn hu kkonċernat id-dritt għal proċessi ġudizzjarji spediti u effiċjenti, jibqgħu jiġu ssalvagwardjati.