Issa kaċċaturi u nassaba għandhom sistema bla ħlas biex jirrapportaw il-qbid tal-għasafar waqt l-istaġuni, skont l-obbligu tagħhom. Dan permezz ta’ sistema telefonika ġdida apposta bin-numru 8000 2020, kif ukoll applikazzjoni għal fuq il-mobile bl-isem Game Reporting MT, it-tnejn bla ħlas.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Minsitru għal Għawdex Clint Camilleri.
Huwa qal,“Permezz ta’ sistema telefonika ġdida u mobile app se niffaċilitaw il-qabda tal-gamiema. In real time, wieħed se jkun jista’ jimmarka f’liema ġurnata se jikkaċċja jew jonsob, u jkun jista’ jirrapporta l-qabda tiegħu. Din qed nagħmluha għal żewġ raġunijiet, waħda biex l-utent biex jirraporta u jdaħħal l-informazzjoni li hemm bżonn.”
Dan apparti wkoll biex it-taqsima inkarigata mill-għasafar selvaġġi fil-Ministeru għal Għawdex, ikollha l-informazzjoni korretta miżmuma għandha wkoll.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Wieħed ikun jista’ jikkalkula il-hunting effort. Ma jfissirx li għax hawn 14,000 kaċċatur u 4,000 nassab, dawk ikunu kollha jikkaċċjaw jew jonsbu f’daqqa. Bl-app, wieħed jista’ jikkalkula kemm se jkun hemm f’kull ġurnata nies on the ground.”
Il-Kap tat-taqsima Richard Lia qal li anke wara laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea bejn l-istati membri li jikkaċċjaw il-gamiem, Malta issa trid tħares regolamenti f’Settembru li ġej biex l-ispeċi tkun imħarsa aħjar.
Huwa fisser: “Il-kwota se jkun ta’ ħames mitt gamiema fuq livella nazzjonali. Għad-differenza ta’ staġuni oħra, għalkemm dejjem ġiet ikkaċċjata f’Settembru, din id-darba qabel jirrapportaw il-gamiem li nqabad qabel ma jitilqu minn fuq il-post, issa se jkunu obbligati jirrapportaw dan immedjatament. Jiġifieri, meta f’Settembru tinqabad gamiema, il-kaċċatur irid jirrapportaha dak il-ħin.”