Fid-dawl tad-diversi talbiet li jsiru lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal kull tip ta’ xogħlijiet, matul is-snin, id-domanda kompliet tiżdied u għalhekk inħasset il-ħtieġa li ssir riforma fil-proċess ta’ dawn it-talbiet biex jissaħħaħ l-operat ta’ dan id-dipartiment.
Permezz ta’ online portal, il-kunsilli lokali se jkollom aċċess għal sistema ta’ ħruġ ta’ talbiet fejn se jkunu jistgħu jissottomettu t-talba biex isir ix-xogħol.
Bħala parti minn din ir-riforma, inħoloq unit ġdid li se jkun qed jipproċessa dawn it-talbiet, jassisti fil-proċess tal-applikazzjoni, u mbgħad jassenja l-ħaddiema jew kuntratturi neċessarji għall-proġett, bid-Dipartiment jibqa’ responsabbli għall-implimentazzjoni u t-twettiq tal-proġett mill-bidu sal-aħħar.
Il-Kunsilli Lokali se jibqgħu dejjem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.
Beda l-proċess biex il-Kunsilli Lokali jkollhom aċċess għal dan l-online portal, bit-tieni fażi tar-riforma tkun li d-Dipartiment jifrex dan is-servizz għal aktar entitajiet, fosthom NGOs, Għaqdiet Sportivi, u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt il-parametri tad-dipartiment.
L-għan aħħari ta’ din ir-riforma huwa li t-talbiet tax-xogħol isiru b’mod strutturat, effiċjenti u ekwu madwar il-pajjiż, kif ukoll biex jiġi issimplifikat u ċċentralizzat il-proċess amministrattiv mid-Dipartiment.
B’dan kollu, il-piż tal-proċess ikun f’idejn id-dipartiment u minflok, il-Kunsill Lokali jkun jista’ jiffoka fuq il-viżjoni li jkollu għal spazji pubbliċi isbaħ u li jaqdu l-komunitajiet moderni tal-lum u tal-ġejjieni.
AQRA AKTAR: