Kuljum, fid-Dipartiment tal-Patoloġija tal-Isptar Mater Dei, jaslu qrib l-għaxart elef kampjun tad-demm biex isiru t-testijiet fuqhom.
Sa ftit tax-xhur ilu, dawn kienu jittieħdu fil-laboratorji rispettivi mill-ħaddiema f’dan id-Dipartiment, iżda riċentament iddaħħlet sistema b’tubu u magni msejħa “pneumatic tube system and sample sorter”, li b’teknoloġija avvanzata u innovattiva, qed twassal il-kampjuni b’mod awtomatiku, fil-laboratorji.
Crew ta’ ONE News żar dan id-Dipartiment, li jopera fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, fejn segwa l-effiċjenza li biha taħdem din is-sistema.
Fil-fatt, b’mitt stazzjon madwar is-swali tal-isptar kollu, il-kampjuni jintbagħtu fil-laboratorji mingħajr ma qatt imiss magħhom il-bniedem.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija, Chris Barbara spjega kif din it-teknoloġija qed tgħin direttament lill-pazjenti, mhux biss li jkunu fis-swali imma anki dawk li jidħlu l-Emerġenza u jkollhom bżonn riżultati malajr.
Qal, “Meta jaslu l-kampjuni hawnhekk, aħna rridu nqassmuhom f’laboratorji differenti u ntellgħuhom fil-laboratorji għax għandna tliet sulari ta’ laboratorji. B’din is-sistema ta’ tubi li jiġu mis-swali u mill-Emerġenza, qed jaqraw l-isem tal-pazjent u x’testijiet hemm u jibagħtuhom awtomatikament fi ftit sekondi ġol-laboratorji biex jiġu analizzati.”
L-Inġinier Anthony Mifsud spjegalna bl-aktar mod interattiv, kif taħdem din is-sistema.
Qal, “Kull ward għandha station tal-pneumatic tube system, fejn jistgħu jitfgħu s-samples ġo carrier bħal dan, jitfgħuhom b’dal-mod, jingħalaq il-carrier, jitfgħuh ġol-istation, mingħajr ebda intervent, awtomatikament jitlaq u jasal fil-lab. Malli jasal fil-lab, f’dis-sistema, jinfetaħ il-carrier, jaqgħu s-samples hawnhekk u s-sistema tiċċekkja li ma ntesa xejn fih, tiċċekkja wkoll li ma kienx hemm leakage b’xi dmija jew hekk, jekk kollox sew, jintefa’ ġos-sorter li jieħu ritratt ta’ kull sample, tirreġistrah u titfgħu fil-bin partikolari fejn irid imur fil-lab speċifiku.”
Din is-sistema qed tkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-pazjenti, li jieħdu r-riżultat aktar malajr, imma anki lill-professjonisti li jkunu jridu jaċċessaw u janalizzaw ir-riżultati tat-testijiet tad-demm.
Qal, “Nanalizzaw għoxrin miljun test fis-sena ġo dawn il-laboratorji, allura b’hekk immedjatament qed jasal il-kampjun għall-analiżi u t-tabib fis-swali jew fl-emerġenza qed jara r-riżultati mingħajr dewmien.”
Peress li dan il-proċess ma jinvolvi l-ebda intervent tal-bniedem, inaqqas il-lok għall-iżbalji, fl-istess waqt li jagħti aċċess mill-ewwel lill-professjonisti għal kull dettall.
Din is-sistema, minn ħdejn is-sodda tal-isptar dritt għal-laboratorji, hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Ewropa.
Qal, “Il-combination ta’ dawn it-tubi u s-sorter li għandna hawnhekk hija l-ewwel darba li saret fl-Ewropa, jiġifieri din hija showcase li qed juru l-kumpanija madwar id-dinja kollha.”