Erbatax-il uffiċjal tal-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra l-vizzji ngħataw taħriġ fuq sistema ġdida li permezz tagħha jinqabdu aktar malajr dawk li jxerrdu pornografija tal-minuri fuq is-siti soċjali.
Din is-sistema tiġbor fiha għadd ta’ rekords tal-passat, li permezz tagħhom l-pulizija jistgħu janalizza dak li jkun għaddej u jasal għall-kriminal b’mod iżjed faċli. Saħansitra s-sistema tasal sabiex jirnexxielha ssib postijiet sigrieti fejn dawn il-persuni jkunu qed jistaħbew.
Din it-teknoloġija tintuża f’90 pajjiż madwar id-dinja u fl-Istati Uniti kollha. Is-sistemi tipprovdi informazzjoni li permezz tagħha l-pulizija jista’ jkollha każ b’saħħtu fil-qrati.
F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia u l-Assistent Kummissarju Dennis Theuma qassmu ċ-ċertifikati lil dawn l-uffiċjali, li temmew it-taħriġ tagħhom fl-aħħar jiem.
Fost l-uffiċjali li ħadu sehem f’dan it-taħriġ mogħti minn esperti li ġew mir-Renju Unit hemm l-Ispettur Joseph Busuttil, stazzjonat fl-iskwadra ta’ kontra l-vizzji.
“It-training kien jikkonsisti f’online child sexual exploitation biex ninvestigaw dawn it-tip ta’ każijiet ifisser dawn in-nies li jixxerjaw materjal pornografiku tal-minuri fuq l-internet, l-iskop hu li nnaqsu jew ineħħu dawn in-nies minn mas-soċjeta,” qal l-Ispettur Busuttil.
L-Ispettur Busuttil spjega li dan ir-reat qed issir iżjed komuni għax kulma jmur qed tikber il-midja soċjali.
“Hija xi ħaġa perikoluża ħafna li wieħed ma tantx jagħti kaz u iva mhux qed iqassmu xi video jew ritratti bejniethom. Madankollu wara dak il-materjal hemm tbatija kbira ta’ minuri użati,” huwa kompla jgħid.
F’diskors tal-okkażjoni l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li din is-sistema flimkien mat-taħriġ jmur par ipasu mal-politika tal-gvern li jagħmel it-tfal fiċ-ċentru. Qal kif permezz ta’ din is-sistema se tiġi ddeterminata wkoll l-azzjoni li wieħed għandu jieħu fil-konfront tal-imputat.