Pazjenti fir-residenza San Vinċenz de Paul se jkunu qed jibbenefikaw minn sistema diġitali ġdida bl-isem ‘Dashboard.’
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva flimkien mat-tmexxija ta’ SVDP. Din is-sistema kompjuterizzata se tgħin biex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni medika tal-pazjenti.
Dan qed isir bi ftehim mal-Ministeru għas-Saħħa. Bis-sistema ‘Dashboard’, professjonisti bħal tobba u infermiera jkunu jistgħu jkomplu fejn ħallew professjonisti qabilhom, u jkunu jistgħu isegwu l-istorja medika tal-pazjenti b’dettalji dwar kull pass ta’ trattament li ngħatalhom. B’hekk iġi faċilitat it-tqassim tal-informazzjoni bejn il-professjonisti differenti responsabbli mill-kura tal-pazjent.
Fost oħrajn, din is-sistema tintuża biex iżżomm informazzjoni dwar appuntamenti, dettalji tal-pazjenti, riżultati ta’ testijiet, mediċini li jingħataw pazjenti, u informazzjoni dwar episodji notevoli li jseħħu tul it-trattament fl-isptar.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li din is-sistema hija xhieda tal-bżonn kontinwu favur il-qalba diġitali. Spjega li l-ħsieb hu li din is-sistema titwessa’ sabiex tinkludi fiha d-Djar tal-Anzjani kollha tal-Gvern madwar Malta u Għawdex.