Ġiet imnedija sistema ġdida li se tibda tintuża għall-kontroll u għat-traċċabilità tal-inbid DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese islands.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel Anton Refalo.
Id-Direttorat tal-Agrikoltura huwa l-awtorità kompetenti li tiggarantixxi u tiċċertifika l-produzzjoni tal-inbejjed DOK u IGT.
Apparti l-ispezzjonijiet u l-analiżi tal-inbejjed, jinvolvi ammont sostanzjali ta’ dokumentazzjoni, speċjalment fejn jidħlu rekords ta’ tiketti li jiġu użati sabiex jiċċertifikaw l-inbid.
F’kumment ma’ ONE News id-Direttur tal-Agrikultura Marco Dimech, spjega kif din is-sistema se tiffaċilità aktar il-proċess.
Dimech tenna, “Il-QR code se jgħin lil wineries u l-għassara tagħna jkunu jistgħu jiskenjaw u jattwaw l-informazzjoni fuqhom u tkun aċċessibli għand id-direttorat u allura jkun hemm iżjed kontrolli fuqhom. Fl-istess ħin il-pubbliku jista’ jaċċessa wkoll parti minn dik l-informazzjoni biex ikollu iżjed serħan il-moħħ li dak il-prodott li qed jikkonsma huwa verament ċertifikat u prodott ta’ kwalità u tiżdied it-trasparenza.”
Il-Ministru Anton Refalo enfasizza kif b’din is-sistema innovattiva se tiżdied l-effiċjenza u l-ħarsien tal-prodott agrikolu.
Refalo stqarr, “L-Agrikwalità hija l-mission statment tagħna, għalhekk ħloqna sistema li hija innovativa u hija sistema li tħalli l-kontrolli min-naħħa l-oħra tissimplifika l-mezz għal kif wieħed jista’ jasal għat-traċċbilità.”