Sa issa l-Gvern ħallas aktar minn €2.6 miljun f’benefiċċji soċjali li jgħinu ħaddiema milquta mill-COVID-19.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali li huwa responsabbli mill-ipproċessar u l-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji. Fil-fatt is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega li sa issa saru 7,214 talba għal dawn il-benefiċċji.
Dawn jinkludu l-benefiċċju għall-ġenituri li jkollhom joqogħdu d-dar sabiex jieħdu ħsieb lit-tfal, il-benefiċċju għall-persuni b’diżabilità, dak dik tal-qgħad u l-benefiċċju mediku.
Il-benefiċċju tal-ġenitur kien l-aktar benefiċċju popolari hekk kif kien hemm 5,043 talba. Isegwi hemm il-benefiċċju mediku li għalih applikaw 1,222 persuna. Għall-benefiċċju tal-qgħad applikaw 487 persuna filwaqt li għal dak ta’ persuni b’diżibilità applikaw 462 persuna.
Fil-fatt sa issa b’kollox saru 7,215 talba għal dawn il-benefiċċji u inħadmu 5,637 minnhom. Dan huwa ekwivalenti għal 78.1%.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù stqarr, “Minkejja li komplew jiżdiedu l-applikazzjonijiet il-proċess li qed jinħadmu l-applikazzjonijiet kien iktar mgħaġġel mill-applikazzjonijiet il-ġodda li daħlu u allura issa minn 2,400 benefiċċjarju tlajna għall kważi għal 4,200 benefiċċjarju u l-ispiża issa kif wieħed jista jara rduppjat.”
Is-somma totali tal-ħlas tal-Gvern f’dawn il-benefiċċji tkopri wkoll aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon spjega wkoll kif dawk li kienu jmorru jiġbru l-ikel mill-komunitajiet issa ser jibdew jirċievu l-ikel fi djarhom wara inizjattiva tal-Gvern.
Il-Ministru Falzon spjega li l-effiċjenza u l-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji jixhdu l-għaqal tal-Gvern anke fl-aħħar snin sabiex jtejjeb l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Ekonomija li għamlitha possibli li dawn il-benefiċċji jiġu introdotti sabiex ikunu ta’ spalla għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’din is-sitwazzjoni straordinarja li qed tiddomina mhux biss f’Malta iżda anke madwar id-dinja.
Il-Ministru Michael Falzon saħaq, “Hawnekk joħroġ kemm konnha għaqlin bħala amministrazzjoni tul dawn is-7 snin li rnexxielna li nsaħħu l-ekonomija, li rnexxielna li jkun hemm il-flus għal meta tiġi l-maltempata.”