Xahar wara l-bidu tas-sajf, aktar fkieren qed jitilgħu jbejtu fuq ix-xtajtiet tal-gżejjer tagħna. Dan hekk kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ħabbret li s-sitt fekruna fl-aħħar sigħat għażlet li tagħmel il-bejta tagħha fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex.
Jirriżulta li dan hu numru ferm sabiħ li qed jiġi rreġistrat f’dan il-fenomenu naturali.
Tkellimna ma’ Vince Attard, il-President tal-għaqda Nature Trust, li spjegalna proprju r-raġunijiet għalxiex il-fkieren jagħmlu distinzjoni bejn post u ieħor biex ibejtu.
Hu spjegalna kif, dan l-istaġun, kien wieħed impenjattiv għall-fkieren hekk kif, s’issa, hemm sitt bejtiet tal-fkieren b’kollox, tnejn minnhom fir-Ramla l-Ħamra, fil-gżira Għawdxija, u erba’ oħrajn fil-bajjiet tal-Ġnejna u l-Bajja tal-Mixquqa jew Golden Bay, Għajn Tuffieħa.
Attard spjega xi jsir appena jirċievu rapport dwar il-possibbiltà ta’ bejta ġdida f’xi bajja.
Attard appella dwar l-importanza li kull min iżur il-bajjiet jieħu ħsieb l-ambjent ta’ madwaru, mhux biss għal min se jkun qed iżuru warajh, imma anke għal dawn il-ħlejjaq, li jfittxu l-kenn fejn iwelldu.
Fl-aħħarnett hu appella biex persuni li jiltaqgħu ma’ fkieren fil-baħar, li jkollhom bżonn l-għajnuna, jew oħrajn li jitilgħu jbejtu fir-ramel, għandu jċempel lin-Nature Trust fuq in-numru 9999 9505 jew lill-ERA fuq 22923500.