Il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija tal-Isptar Mater Dei Dr Chris Barbara ddikjara li s’issa ma ġie rrapportat l-ebda każ tal-Corona Virus f’Malta.
“Sakemm ġejt hawn nitkellem fil-programm ma rriżulta l-ebda test fil-pożittiv għal coronavirus”, saħaq Dr. Barbara fuq il-programm Kalamita fuq ONE.
Huwa spjega wkoll li lbieraħ saru 44 test għal coronavirus u kollha rriżultaw fin-negattiv.
Fi Stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li t-tifqiegħa tal-corona virus magħrufa bħala Covid-19 infirxet u qiegħda tolqot diversi pajjiżi.
Madankollu tenna li f’dan l-istadju, għadhom ma ġewx irrapportati każijiet f’Malta.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti, l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin iwessgħu s-sorveljanza tagħhom f’żoni ta’ vjaġġar li ġew milquta minn dan il-virus.
Qalu li n-nies li fl-aħħar ħmistax esperjenzaw sintomi tad-deni, sogħla jew li qatgħu nifishom wara li waslu Malta miċ-Ċina, Hong Kong, Singapore, il-Ġappun, l-Iran, il-Korea ta’ Isfel u min-naħa ta’ fuq tal-Italja b’mod partikolari miż-żoni tal-Lombardia, Piemonte, Veneto u Emilia Romagna għandhom jagħmlu kuntatt mat-tabib tagħhom u mal-awtoritajiet tas-saħħa.
Huma qegħdin jintalbu biex ma jżurux ċentri tas-saħħa jew id-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar Mater Dei.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin iħeġġu wkoll lin-nies biex jevitaw safar bla bżonn fil-pajjiżi milquta minn dan il-virus. Żiedu jgħidu li dawk li qegħdin jiġu lura miż-żoni affettwati qed jintalbu wkoll biex joqogħdu fi kwarantina għal 14-il jum.
L-awtoritajiet tas-saħħa fakkru lill-pubbliku b’mod ġenerali biex jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex fost oħrajn jaħslu jdejhom bis-sapun u bl-ilma.
L-awtoritajiet ħeġġew ukoll lill-pubbliku biex min iħossu ma jiflaħx ma jmurx ix-xogħol jew l-iskola qabel iħossu aħjar. Ħeġġew ukoll biex min iħossu ma jiflaħx ma jmurx iżur pazjenti l-isptar.