S’issa ħdax-il bastiment abbandunat tneħħew mill-Port il-Kbir mis-sitta u għoxrin bastiment li huwa ppjanat li jitneħħew fiż-żmien li ġej.
Dan tħabbar il-Ħamis filgħodu mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ponta tal-Isla.
Intqal kif dan il-proċess ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħames xhur, hekk kif tneħħew iż-żewġ riggijiet li kien hemm f’dan il-port.
Il-Ministru Ian Borg qal kif hemm bastimenti minn dawk li se jitneħħew li għandu proċeduri legali fuqu u oħrajn li jinsabu kważi mgħerqa.
Qal li bastiment ieħor se jitneħħa din il-ġimgħa u bħalissa għaddejjin verifiki oħra sabiex jaraw f’liema stat jinsabu dawn l-opri tal-baħar li baqa’ sabiex jitneħħew.
Il-Ministru Ian Borg qal kif dan it-tindif se jżid il-kapaċità fil-Port il-Kbir u l-aġenzija Infrasruttura Malta se tħammel u tnaddaf taħt il-baħar.
Il-Ministru Borg qal kif fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jħabbar il-politika tiegħu għall-viżjoni tal-Port il-Kbir, li huwa l-qalb tal-ekonomija Maltija.
Qal, “Il-Port il-Kbir f’ċertu partijiet minnhom, pereżempju l-Marsa qiegħed fuq ġewwa kien spiċċa ċimiterju tal-bastimenti u dan mhux aċċettabbli għalina, speċjalment għaliex għandna ħafna operaturi li jixtiequ iżjed spazju. L-awtorità dejjem tuża kull opportunità li jkun hemm u anke rridu issa nniedu l-istrateġija għas-snin li ġejjin għall-Port il-Kbir.”
ONE News tkellem ukoll maċ-Chairman ta’ Transport Malta li spjega magħna l-proċess delikat sabiex jitneħħew dawn il-bastimenti.
Qal, “Ħloqna tim fejn ikun magħmul minn legali, operattivi, master marines, aspett ta’ assigurattiv. Jiġifieri kull bastiment illi kellna naħdmu miegħu kellu storja partikolari u jkollok kwistjonijet legali trid tissolverjahom. Oħrajn fejn trid il-permessi biex tellajnihom kif għedna l-art u bil-permessi qattajnihom.”