Omm żagħżugħ mirkub mill-vizzju tad-droga hija xhieda ta’ kemm l-għajnuna li tingħata mill-Fondazzjoni Sebħ, hija imprezzabbli.
L-omm, li xtaqet tibqa’ anonima, qasmet l-esperjenza tagħha magħna biex twassal messaġġ ta’ kemm huwa importanti li wieħed ifittex l-għajnuna.
Hija stqarret: “Meta persuna fil-familja tibda teħodlok id-droga, hija problema kbira li ma ssibx tarfha jekk ma tfittixx l-għajnuna.”
Il-mara spjegat kif rat lil binha jinbidel mindu beda jieħu d-droga: “Il-kumpanija li jagħmluha magħhom. Jekk inti tagħmilha ma’ kumpanija ħażina, fl-aħħar tispiċċa bħalhom. Iwaqqgħuk.”
Il-vittma spjegat kif binha sar vjolenti, speċjalment meta kien jitlobha l-flus biex jixtri d-droga.
Hija sostniet: “Nibża’ minnu meta nkun xi mkien ġo flat waħdi miegħu għax nibża’ li jibda jagħmilli l-affarijiet.”
Konxja tal-għajnuna li teżisti, il-mara fittxet l-għajnuna. Hija qalet, “Aħna kollha umani. Meta inti ma tiflaħx iktar, inti trid tagħmel xi ħaġa fuqha. Meta tfittex l-għajnuna, inti tibda tieħu daqsxejn tar-ruħ għax issib lil min jgħinek ħafna u timxi minn hemmhekk.”
F’appell imqanqal biex min hu għaddej minn sitwazzjoni simili, ifittex l-għajnuna, il-mara qalet li mhux faċli taċċetta r-realtà li wliedek stess jippruvaw iweġġgħuk, imma wieħed irid jifhem li taħt l-effett tas-sustanzi, bniedem jinbidel mil-lejl għan-nhar.
L-omm saħqet: “Mhux faċli imma trid tagħmel il-kuraġġ inkella ħa tibqa’ fl-istess sitwazzjoni. Morru fittxu l-għajnuna. L-ewwel ħaġa li jridu jagħmlu huwa jmorru għand il-Pulizija għax inkella ma tistax tidħol ġo xelter imbagħad imexxuk minn hemmhekk. Toqgħod komda, għandek fejn torqod, għandek fejn tiekol, għandek fejn tinħasel, jgħinuk mill-aħjar li jistgħu.”