Sirjana li għandha protezzjoni fil-Greċja fetħet kawża kontra l-Ministeru tal-Edukazzjoni wara li t-tfal tagħha baqgħu ma ddaħħlux fi skola tal-Gvern f’pajjiżna.
Fil-Qorti instema kif il-mara kienet ħarbet għall-Greċja mis-Sirja fl-2019 kawża tal-gwerra ċivili li kien hemm fis-Sirja. Waqt li kienet tqila bit-tielet wild, ir-raġel tal-mara u missier it-tfal telaq minn ħajjitha u hemhekk hija ddeċidiet li tkompli bil-vjaġġ tagħha għal Malta.
L-applikazzjoni għall-ażil f’pajjiżna ma ntlaqgħetx hekk kif il-mara diġà kellha protezzjoni f’pajjiż ieħor. Fir-rikors imressaq minnha hija qalet li fil-Greċja hija ma kinitx notifikata bl-eżitu tal-applikazzjoni tagħha.
L-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali bagħtet talba lill-awtoritajiet Griegi biex jieħdu lura lill-mara u t-tfal tagħha liema talba ma ġietx milqugħa mill-Greċja abbażi li l-mara diġà kellha protezzjoni.
Waqt li kienet f’Malta l-mara applikat biex iddaħħal lit-tliet uliedha fi skola tal-istat liema talba ma ġietx milqugħa abbażi li ma kellha l-ebda dokumentazzjoni Maltija bħal Permess ta’ Residenza. Ġaladarba l-applikazzjoni tal-ażil f’Malta ma ntlaqgħetx dawn id-dokument qatt ma setgħu jiġu miksuba.
Fil-kawża tagħha hija qed tgħid li l-proċedura li ġenitur irid jippreżenta prova ta’ residenza biex idaħħal it-tfal fi skola tal-istat qed tiksrilha d-dritt fundamentali tagħha u qed titlob rimedju u kif ukoll kumpens.
Għall-mara qed jidhru l-avukati Eve Borg Costanzi, Matthew Cutajar u kif ukoll l-Aditus Foundation.