Maher Aljasem, Sirjan ta’ 24 sena li jgħix Marsalforn, inżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati tal-qtil ta’ Fawez Najem, Sirjan ta’ 25 sena li nqatel is-Sibt li għadda f’appartament f’Marsalforn.
Fil-Qorti t’Għawdex it-Tnejn filgħaxija, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana, ma kienx hemm talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.
L-imputat huwa mifhum li jgħix fl-appartament li l-vittma tilef ħajtu fih, f’Marsalforn. Il-każ allegatament ġara waqt argument li seħħ bejn grupp ta’ persuni f’appartament, bil-vittma qala’ daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu.
It-Tnejn, ONE News irrapporta kif il-ġlieda seħħet meta grupp ta’ Sirjani, li kienu armati b’sikkina, marru għal Sirjan ieħor fl-appartament tiegħu f’Marsalforn.
Meta bdiet il-ġlieda, is-Sirjan, li allegatament kien qed jiġi aggredit, irnexxielu jieħu s-sikkina minn idejn wieħed mill-allegati aggressuri u spiċċa jagħti hu stess bis-sikkina.
Kien hawnhekk li allegatament ta daqqiet ta’ sikkina f’żaqq u qalb il-vittma.
RITRATT TAL-IMPUTAT: TVM