Sirjan ta’ 31 sena, li jaħdem bħala Kaptan ġie mmultat madwar ħmistax-il elf ewro wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ flejjes mhux iddikjarati.
Huwa kien arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta meta kien fil-pussess tiegħu l-ekwivalenti ta’ €38,331 fi flus kontanti f’muniti differenti.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Uffiċjal tad-dwana preżenta envelop bi 28,841 dollaru Amerikan, 46,000 f’liri Sirjani, 450 lira Torka u 15000 f’liri Libaniżi fi flejjes kontanti li ma kienux iddikjarati, huwa tħalla b’għaxart’elef ewro fil-pussess tiegħu skont il-liġi.
Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel kkopera mal-Pulizija u li ma kienx jaf bil-liġi li dwar kemm seta’ jkollu flus fuqu li ma jkunux iddikjarati.
Id-Difiża qalet li dawn il-flus ġew minn pagi ta’ sitt xhur li ma setgħux jiġu depożitati fis-Sirja hekk kif ma hemmx faċilitajiet biex ikun jista’ jagħmel dan.
Dan kien ikkomfermat bl-evidenza ta’ kuntratti tax-xogħol u pagi li daħħal fil-perjodu msemmi.
Id-Difiża argumentat ukoll li wara tibdil fil-liġi l-flus ma jiġux ikonfiskati iżda jkollha titħallas multa ekwivalenti ta’ ħamsa u ħamsin fil-mija tal-flus żejda li jinstabu fuq l-imputat.
B’hekk il-Qorti mmultat lil l-imputat €15,633 wara li sabitu ħati, filwaqt li d-differenza kienet ikkonfiskata għal perjodu ta’ tletin ġurnata sakemm tkun konkluża investigazzjoni mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji.