Sirjan ta’ 29 sena li joqgħod Ħal Qormi nżamm arrestat wara li allegatament pprova jgħin persuna tidħol Malta illegalment.
Il-Ħadd filgħodu, fil-Qorti l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Zachary Zammit, spjegat li l-akkużat ġie arrestat ix-xahar li għadda wara li l-Pulizija irċeviet informazzjoni li l-akkużat huwa involut f’attivitajiet terroristiċi.
Intqal ukoll li din l-informazzjoni ma wasslet għal imkien u għalhekk l-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest però l-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet. L-Ispettur qal li meta l-imputat ġie arrestat għat-tieni darba, fil-pussess tiegħu nstabu żewġ passaporti Maltin li allegatament kien se juża biex imur lejn il-Ġermanja.
Wieħed mill-passaporti kien ta’ qarib tiegħu.
Mill-investigazzjonijiet li saru ġie maħsub li l-pjan kien l-akkużat kien qed jippjana li jbigħ il-passaport lil xi ħadd waqt li jkun imsiefer biex ikun jista’ jidħol Malta illegalment.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-Avukati Difensuri talbu għall-ħelsien mill-arrest wara li saħqu li meta l-imputat ingħata l-libertà proviżorja, huwa mexa mal-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.