Sirjan ma nstabx ħati li fi Frar ta’ sentejn ilu stupra Spanjola f’għeluq sninha fil-bajja ta’ San Ġorg, f’San Ġiljan.
Dan wara li l-Qorti qieset li mill-provi li tressqu quddiemha, l-akkużat u t-tfajla kellhom x’jaqsmu flimkien bil-kunsens ta’ xulxin.
Ahmed Hames ta’ ħamsa u għoxrin sena ġie mixli li stupra lit-tfajla fil-lejl ta’ bejn it-tlieta u għoxrin u l-erbgħa u għoxrin ta’ Frar wara li ltaqgħu fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.
Fix-xhieda tagħha, it-tfajla xehdet li ħassitha komda mal-akkużat ħdejn il-baħar, sakemm imbuttaha, ċartilha l-qalziet u stupraha.
Hija spjegat li pprovat twaqqfu iżda ħadd ma seta’ jgħinha għax kienu weħidhom fuq il-bajja għaliex kienet ix-xita.
Hija xehdet ukoll li l-akkużat tbissem u ħallieha tibki fuq il-bajja.
L-espert mediku qal li mit-testijiet li għamel ma jindikax li seħħ stupru.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella qalet li ma tistax tasal għall-konklużjoni li seħħ stupru u għalhekk illiberat lill-akkużat minn kull ħtija.