Sirjan ta’ 22 sena, li joqgħod f’Birżebbuġa, tressaq il-Qorti l-Erbgħa filgħaxija u baqa’ miżmum arrestat fuq akkużi li involva ruħu f’attività relatata mat-terroriżmu.
L-akkużat, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressaq quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busutill fejn ġie akkużat li jifforma parti minn għaqda terroristika, waqt li ħeġġeġ u ta taħriġ kif jista’ jintuża materjal splussiv.
Il-Prosekuzzjoni akkużatu wkoll bi produzzjoni ta’ affarijiet relatati ma’ splussivi, waqt li vvjaġġa minn Malta għal skopijiet ta’ relatati mat-terroriżmu.
Rapporti fil-midja qalu wkoll li, meta l-Pulizija ċċekkjaw il-mobawjl tal-akkużat, ġiet innotata informazzjoni dwar materjal splussiv, għalkemm dan ma ssemmiex fil-Qorti.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li mhux magħruf kemm is-Sirjan ilu jgħix Malta.
Waqt li l-każ ikompli, il-Maġistrat ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.