Ebrahem Hamood, Sirjan ta’ 33 sena, li jgħix Santa Venera nżamm arrest wara li tressaq il-Qorti, il-Ħadd filgħodu, b’akkużi ta’ stupru fuq tfajla.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-każ seħħ il-Ħadd li għadda f’Pembroke għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu.
Ġie spjegat kif il-vittma kienet f’nofs Paceville sejra lura d-dar u allegatament waqfet vettura li fiha kien hemm l-akkużat. Dan staqsiha jekk tridx li jwassalha d-dar.
Hija allegatament aċċettat li tirkeb miegħu u qaltlu li tgħix is-Swieqi, iżda l-akkużat ħadha lejn Pembroke.
Il-vittma qalet lill-akkużat li kien sejjer fid-direzzjoni l-ħażina u hawnhekk ir-raġel allegatament sakkar il-vettura.
Huwa ħadha lejn il-Barracks ta’ Pembroke, fejn il-vittma rnexxielha taħrab, iżda qabadha minn xagħarha u neżżagħhha.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif wara l-istupru, is-Sirjan allegatament ħalla lill-vittma hemmhekk u ħarab bil-vettura.
Wara l-allegat stupru, il-vittma ċemplet lil sħabha u qaltilhom x’ġara.
Intqal kif il-Ħadd filgħodu, ftit sigħat wara li seħħ il-każ, il-vittma marret tagħmel rapport l-għassa u nfetħet inkjesta maġisterjali, li wasslet biex l-imputat ġie arrestat is-Sibt.
Il-Pulizija spjegat kif il-vittma għaddejja minn trawma wara dan il-każ u kważi lanqas felħet titkellem. Ġie spjegat ukoll li l-vittma kellha gdim f’wiċċha u f’partijiet oħra f’ġisimha.
Fil-Qorti l-imputat ġie akkużat ukoll, li s-Sibt, kien qed iġorr fuqu arma li taqta’ u bil-ponta, mingħajr liċenzja.
L-Avukati difensuri tal-imputat ma talbux għall-ħelsien mill-arrest, imma biex l-isem tal-akkużat ma jkunx imxandar.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, għaliex m’hemmx bażi legali u anki minħabba li l-akkużat u l-vittma ma jiġux minn xulxin.
L-Avukat għal parte civile, Charles Mercieca qabel mal-Prosekuzzjoni u talab biex isem il-vittma ma jkunx imxandar biex tkun protetta l-identità tal-vittma.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Marsanne Farrugia oġġezzjonat it-talba tad-Difiża u qalet li isem l-imputat jista’ jixxandar.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darlene Grima, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone u Jean Paul Attard.