Sirjan ta’ 50 sena li jgħix hawn Malta ntbagħat tlettax-il xahar ħabs wara li fil-Qorti ammetta għall-akkużi ta’ traffikar uman ta’ immigranti llegali f’pajjiżna.
Dan wara li tressaq il-Qorti b’urġenza lbieraħ filgħaxija quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit.
B’din is-seduta saret fil-magħluq fuq talba tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts, sabiex ma jiġux imxekkla l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Stafrace Zammit ordnat ukoll sabiex l-identita tal-akkużat ma tkunx ippubblikata u murija bl-ebda mod fil-midja, hekk kif il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu ma’ ONE News li hemm numru ta’ persuni oħra li qed jinżammu mill-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ, fosthom Malti u mhux qed ikun eskluż li fis-sigħat li ġejjin aktar persuni jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Settembru, numru ta’ immigranti daħlu b’mod illegali fil-bajja ta’ Dellimara.
Dan hekk kif il-Pulizija ssejħet fuq il-post u bdiet l-investigazzjonijiet tagħha, bl-attenzjoni tkun fuq min seta’ kkordina biex seħħ l-iżbark.