Sirjan ta’ 25 sena imut wara li qala daqqiet ta’ sikkina waqt argument bejn diversi rġiel f’appartament fi Triq il-Wied, Marsalforn, Għawdex.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-9.00pm.
Il-Pulizija tad-Distrett flimkien mar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru fuq il-post fejn ġie kkonfermat ir-rapport.
Waqt li kienu hemm, il-Pulizija ġiet informata mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex li tlett irġiel daħħlu l-isptar raġel mitluf minn sensih u b’daqqiet ta’ sikkina.
B’xorti ħażina, il-vittma ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li l-argument seħħ bejn grupp ta’ Sirjani li l-età tagħhom tvarja bejn l-24 sena u d-29 sena. Waqt l-argument intużaw diversi oġġetti iebsin fosthom injam, siġġijiet u sikkina.
L-isptar iddaħħlu wkoll tlett irġiel oħra li kienu involuti fl-argument u li għadhom qed jinżammu għall-osservazzjoni minħabba xi ġrieħi li ġarrbu, taħt il-ħarsien tal-pulizija.
It-tlett irġiel li ħadu lill-vittma l-isptar u raġel ieħor ġew arrestati u qed jinżammu fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat Bridgette Sultana li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Għawdex dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.