F’partita ferm bilanċjata u akkanita, Sirens kisbu draw drammatiku ta’ 1-1 kontra Mosta, bil-goal li tahom punt prezzjuż jasal proprju fl-94 minuta. Kienet partita li setgħet tmur kull naħa, biż-żewġ timijiet ikollhom il-waqtiet pożittiivi tagħhom tul id-90 minuta.
Kienu Mosta li ħarġu fuq l-offensiva u fis-sitt minuta, xutt b’saħħtu mix-xellug ta’ Britoo ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Sirens, Andrea Cassar.
Mal-kwarta logħob, daqqa ta’ ras ta’ Chara għal Mosta ġiet imblukkata minn Cassar.
Fil-21 minuta cross-shot ta’ Daniel Opoku għal Sirens għadda ftit għoli.
Dan sabiex fis-36 minuta Nicholas Pulis resaq viċin għal Sirens meta wara li rċieva mingħand Opuku ra t-tentattiv tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Ukoh Akpan.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta ħarġu ferm aggressivi u fil-50 minuta rebħu penalty meta Opoku waqqa’ lil Gianluca Sciberras fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu, Clayton Failla, li ma żbaljax.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-76 minuta, Damian Anene, wara li rċieva minn cross mix-xellug, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit barra.
Kulma jmur, kompla d-dominju ta’ Mosta u tliet minuti wara, cross-shot mix-xellug tal-awtur tal-uniku goal Mosti, Clayton Failla, ġie salvat minn Andrea Cassar.
Sirens wieġbu fit-92 minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Perea Hinestroza ġie newtralizzat minn Akpan. Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda żewġ minuti wara meta wara li rċieva minn cross mil-lemin, Jean Borg kellu xutt imblukkat, biex mir-rebound, Jonathan Perea Hinestroza, mill-viċin tefa’ ġewwa.
Referee: Ezekiel Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Jake Vassallo (Mosta FC)