Sirens ħallew għall-aħħar biex dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Naxxar Lions. B’hekk Naxxar għadhom jittamaw li staġun ieħor jilagħbu mal-elite tal-football Malti, jiġifieri fil-Kampjonat BOV Premier, hekk kif għadhom mhux matematikament konfermati minn dan, fejn kienet biss rebħa minn din il-partita li kienet tikkonfermahom minn dan.
Kienu Naxxar li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta xutt minn pożizzjoni angulata ta’ De Souza ġie salvat mingħajr diffikultá minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Sirens, Ini Etim Akpan.
Huma komplew fuq l-offensiva u ħames minuti wara Augusto De Carvalho wiċċ imb’ wiċċ ma’ Akpan tefa’ inkredibbilment barra.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Naxxar u fit-18-il minuta reġa’ kien Carvalho li permezz ta’ daqqa ta’ ras imepnja lil Akpan li ħareġ barra minn postu u nnewtralizza l-ballun.
Sirens wieġbu għall-ewwel darba fl-20 minuta permezz ta’ freekick insidjuż ta’ Kwasi Donsu li għadda ftit għoli.
Naxxar reġgħu ħolqu l-periklu fid-39 minuta meta Pablo Augusto Servo de Carvalho dar tajjeb ma’ Akpan iżda sab lil difensur ta’ Sirens li ddevja l-ballun f’corner, bit-team minn San Pawil il-Baħar jeħlisha ħafif.
Fil-41 minuta, Sirens kellhom ferħa bla temma meta Mohamed Akadom mill-viċin tefa’ ġewwa iżda r-referee Emanuel Grech kien pront u ħassar dan il-goal minħabba offside.
Naxxar Lions meritatament fetħu l-iskor fis-56 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Joao Vitor Mora Cardosa, permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Naxxarin.
Sirens wieġbu fit-82 minuta permezz ta’ freekick insidjuż ta’ Degran Jakson li għadda ftit għoli.
Huma komplew jippressaw u tliet minuti wara ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ xutt mill-viċin ta’ Bismark Asare.
Sirens skorjaw il-goal tar-rebħa proprju fid-90 minuta meta Andreas Panayiotou serva fuq platt tal-fidda lil Bismark Asare li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali f’temp ta’ ħames minuti.
Referee: Emanuel Grech
BOV Plejer tal-Logħba: Joao Vitor Cardoso Moura (Naxxar L.)