Fl-ewwel partita tal-Ħadd fic-Centenary Stadium iltaqgħu Sirens u Gudja United, żewġ timijiet li diġa jafu l-futur tagħhom hekk kif staġun ieħor ser ikunu qed jilgħabu fil- Challenge League.
L-ewwel azzjoni fil-partita waslet wara ħdax il-minuta meta kien hemm xutt ta’ Matthias Conti għal Gudja li sab lill-goalkeeper ta’ Sirens Andrea Cassar attent.
Sirens wieġbu fil-25 minuta meta kien Degran Jackson li kellu konklużjoni minn barra l-kaxxa li għaddiet għoli.
Mal-40 minuta mil-ġdid reġgħu kienu Sirens meta wara azzjoni ta’ kross kien Prosper Owusu li mattar siequ iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet barra. Żewġ minuti wara u assitejna għall-freekick ta’ Shaisen Attard għall-Gudja li għadda ftit barra.
Sirens fetħu l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta wara azzjoni ta’ kross mil-lemin d-difensur ta’ Gudja Luca Gatt fit-tentattiv li jbiegħed l-periklu kellu l-sfortuna li jitfa’ l-ballun fix-xibka tat-tim tiegħu stess biex b’hekk Sirens daħlu jistrieħu fil-vantaġġ.
L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet fil-51 minuta meta kien hemm ħarba ta’ Degran Jackson, bix-xutt tiegħu spiċċa għoli.
Sirens għamlu l-iskor 2-0 mas-siegħa logħob meta f’azzjoni ta’ kontrattakk veloci kien Mohammed Hafiz li għadda ballun lejn Daniel Agius li mingħajr ebda problemi tefa’ l-ballun fix-xibka bla ebda problemi.
Ħames minuti wara u reġgħu u għal darboħra kienu Sirens li resqu viċin permezz ta’ Andreas Harrision, iżda kienet pronta d-difiża ta’ Gudja li salvat minfuq il-linja fatali.
Minn hawn il-quddiem ma kienet innotata ebda’ azzjoni oħra ta’ nota, biex b’hekk t-tim ta’ Sirens kisbu t-tielet rebħa staġjonali tagħhom filwaqt li Gudja għadom mingħajr ebda rebħa.
Referee: Daniel Casha
BOV Plejer tal-Logħba: Degran Jackson (Sirens FC)