L-eks plejer ta’ Manchester United, Sir Bobby Charlton kien persuna eżemplari u influwenza bosta plejers tal-futbol internazzjonali.
Ikkummenta dan il-President tal-Manchester United Supporters’ Club Malta, Joseph Tedesco, f’intervista ma’ ONE News, l-għada li tħabbret il-mewt tal-eks plejer tar-Red Devils, fl-età ta’ sitta u tmenin sena.
“Persuna eżemplari ħafna, naħseb huwa persuna li influwenza plejers oħrajn. Jekk tisma’ lil David Beckham kif jitkellem fuqu, jitkellem bħala l-iktar persuna li impressjonah fil-karriera tiegħu. Huwa xi ħadd li bilfors jibqa’ jissemma u bilfors ħaqqu dawn it-tributijiet kollha li qed isiru f’kull kantuniera tad-dinja.”
Tedesco tkellem dwar il-karriera ta’ Charlton fuq sbatax-il sena mat-tim Ingliż, fejn lagħab kważi seba’ mija u sittin logħba u skurja mitejn disgħa u erbgħin gowl.
“Dan il-persuna li ta’ tmintax-il sena kien fuq dak l-ajruplan li sfortunament sofra dak id-diżastru kbir. Però l-plejer wara dak id-diżastru kien parti mit-trasformazzjoni kbira li saret f’Manchester United. Għaxar snin wara rebaħ il-European Cup, sentejn qabel rebaħ il-World Cup u kien wieħed mill-aqwa plejers mhux għall-United biss, imma għat-tim Ingliż.”
Tedesco nnota li Sir Bobby Charlton żar pajjiżna erba’ darbiet.
F’Settembru tal-elf disa’ mija sebgħa u sittin, Charlton u t-tim tiegħu ta’ Manchester United lagħbu kontra t-tim Malti ta’ Hibs, fil-grawnd tal-Gżira. F’dak l-istaġun, Bobby Charlton wassal lir-Red Devils biex saru l-ewwel tim Ingliż li rebħu l-kompetizzjoni Ewropea, dik li llum magħrufa bħala Champions League.
F’Ġunju tal-elf disa’ mija u tmenin, Charlton, li dak iż-żmien kellu tlieta u erbgħin sena lagħab mat-tim Malti ta’ Floriana, waqt logħba ta’ ħbiberija kontra t-tim Ingliż ta’ Wigan Athletic.
Joseph Tedesco jsemmi episodju ieħor meta Charlton kien ġie fl-aħħar tas-seklu li għadda, u hawnhekk huwa kien iltaqa’ miegħu.
“Konna anki organizzajnilu dinner aħna bħala supporters’ club, konna ġejna mqabbdin mill-Ambaxxata Ingliża f’Malta għax kien ġie bħala rappreżentant tal-FA Ingliża għax kien l-ambaxxatur biex jipprova jirbaħ il-vot biex l-Ingilterra torganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2006. Kienet esperjenza sabiħa ħafna u niftakru kif baqa’ impressjonat b’dan l-event li konnha organizzajna, memorji sbieħ u ħa jibqa’ żġur fil-qalb, naħseb mhux tal-partitarji tal-United biss, imma anki tas-supporters’ tal-futbol għax kien bniedem eżemplari ħafna.”