L-eks Manager ta’ Machester United Sir Alex Ferguson ingħatat applaws kbir wara li reġa’ rifes f’Old Trafford għall-ewwel darba mindu sarlu intervent kirurġiku f’moħħu b’emerġenza f’Mejju li għadda.
Ferguson li għandu 76 sena attenda għal-logħba li t-team tal-United lagħab kontra Wolves. Huwa ngħata applaws twil hekk kif poġġa fil-parti riservata għad-diretturi qabel bdiet il-logħba.
“Ovvjament kien vjaġġ twil ħafna”, qal Ferguson qabel il-logħba tas-Sibt. Huwa żied jgħid li saħħtu qed tmur għall-aħjar u qiegħed isegwi l-pariri li qegħdin jagħtuh it-tobba.
Hekk kif għaddew 27 minuta mil-logħba, il-kotra preżenti qamel iċċapċaplu b’rikonoxximent għas-27 sena li Ferguson għamel imexxi l-klabb.
Fil-5 ta’ Mejju li għadda, Ferguson iddaħħal b’emerġenza l-isptar minħabba emoraġija f’moħħu u għal bosta jiem inżamm fit-taqsima tal-kura intensiva tal-Isptar Salford Royal.
L-aħħar darba li deher f’Old Trafford kien fid-29 ta’ April meta ppreżenta trofew kommemorattiv lill-eks manager ta’ Arsenal Arsene Wenger.
Korrispondent tal-BBC qal li Sir Alex Ferguson deher f’qagħda tajba u ma waqafx jitbissem mindu rifes fil-grawnd.
Huwa żied jgħid li kull min kien fil-grawnd seta’ jara r-rispett miż-żewġ naħat tal-partitarji hekk kif ma waqfux iċapċpulu għar-ritorn tiegħu f’Old Trafford.