Il-ftehim settorjali favur dawk kollha li jaħdmu fis-settur edukattiv se jaffettwa madwar 12,000 edukatur, inkluż dawk fl-iskejjel tal-Knisja. Dan se jkopri sas-sena 2027 u hu msejjes fuq tmin prinċipji ewlenin.
Fejn jidħlu s-salarji, permezz ta’ dan il-ftehim settorjali l-edukaturi fil-gradi kollha se jaraw żidiet sostanzjali. Dan minbarra li l-gradi kollha se jieħdu l-arretrati kollha minn Jannar tas-sena li għaddiet flimkien ma’ €1,000 addizzjonali issa li ġie ffirmat dan il-ftehim.
Learning Support Educators u Kindergarten Educators, għall-ewwel darba, se jibdew jibbenefikaw minn allowance ta’ €2,000 kull sena wara 20 sena ta’ servizz fis-settur. Dan flimkien ma’ Kapijiet ta’ Skola, Education Officers, Heads of Department u Assistant jew Deputy Heads.
Min-naħa l-oħra, għalliema li jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-settur tal-Primarja se jkunu intitolati għal allowance ta’ €1,000 fis-sena b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.
Dan il-ftehim settorjali jara li jkun hemm ukoll impenn favur provvediment tas-sigurtà fl-iskejjel, flimkien mal-impenn biex jiġi rivedut il-qafas tal-imġieba pożittiva. Dan anke b’ħidma fuq it-titjib tal-politika eżistenti biex tkompli tiġi inkoraġġuta l-imġieba pożittiva fl-iskejjel.
Se jkun qed jiżdied ukoll il-pakkett ta’ renumerazzjoni relatat mas-superviżjoni. Iżjed minn hekk, aktar edukaturi, inkluż l-Ischool Leadership Team, se jkunu intitolati biex jagħtu servizz ta’ superviżjoni.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ leave speċjali, dan se jkun qed jitla’ għal 34 siegħa, filwaqt li 35% tal-istess leave, li ma jiġix utilizzat, jista’ jitmexxa għas-sena ta’ wara. Ġie introdott ukoll arranġament ġdid biex l-edukaturi jitħallsu tal-allowances waqt il-leave ta’ studju.
Il-ftehim settorjali jinkludi wkoll qafas dwar assessjar, li jinsab ukoll fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni. Dan jinkludi kemm assessjar bbażat mill-iskola u assessjar ikkontrollat, li hu meqjus bħala eżami.
Dwar il-prinċipju tal-inklużjoni, dan il-ftehim settorjali jinkludi bidliet, fost oħrajn, kif iċ-Ċentri tar-Riżorsi se jiġu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-kulleġġ rispettiv, filwaqt li se jiżdiedu l-LSEs fi ħdanhom.
Apparti minn hekk se tiġi esplorata l-possibbiltà li jinfetħu Reach Units fil-Primarji li jippermettu studenti bi ħtiġijiet speċifiċi aktar kumplessi relatati mal-awtiżmu biex jirċievu programm edukattiv fi gruppi iżgħar fi ħdan l-iskola tagħhom.
L-iżvilupp professjonali u taħriġ għall-edukaturi wkoll se jiġi inċentivat permezz ta’ dan il-ftehim hekk kif, fost l-oħrajn, is-sigħat iddedikati għal żvilupp professjonali għall-edukaturi se jkun qed jiżdied għal 48 siegħa.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkun qed jagħti l-opportunità wkoll lis-Supply Educators li jattendu korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat biex jgħinhom jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex isiru għalliema regolari.
Se tkun qed issir ħidma wkoll biex ikun hemm aktar edukaturi li jservu bħala first aiders fl-iskejjel kollha.