Meta kont smajt li kien hemm xenati u ġlied f’Tal-Pietà umbagħad li fuq il-fosos ġie aggredit Dr Jason Azzopardi, qalbi għamlet tikk. Rajt xi uċuh li kont naf żmien ilu, meta kien hemm il-gangs miż-żewġ naħat tal-partiti. U dawk is-sinjali ta’ vjolenza ma ġewx minn xi klikka laburista !!!
Issa ġara dan id-delitt faħxi. Jien tgħallimt li meta xi ħadd jipprova, qabel kull prova ċerta, jippunta subgħajh lejn ħaddieħor, ikollu tlieta jippuntaw lejh.
Inbidel il-Maġistrat ħalli ma jkunx hemm paroli. Imma x-xogħol tal-Maġistrat fl-inkjesta huwa biss li jippreserva l-provi. Ix-xhieda jinstemgħu u jekk ikun hemm xi ħadd li jaf u ma jissejjaħx, għandu dritt jitlob li jinstema’. Ix-xogħol l-inkjesta jsir mill-esperti tal-forensika li jiġbru biċċiet li għall-Magistrat ma jfissru xejn imma għall-espert forensiku jfissru ħafna u jagħtu ħjiel. Kien hemm min lmenta li l-Maġistrat li nħatar kien tard wisq. Kemm jaħsbu li n-nies ċwieċ ? Mela l-Maġistrat jagħmel l-analiżi fil-laboratorju ? U biex ħadd ma jista’ jgħid xejn, ġejjin esperti forensiċi minn barra! Dawn ma vvutawx hawn Malta! L-ewwel darba li l-Pulizija Maltija użaw esperti barranin kien fil-każ ta’ Anthony Aquilina, aktar maghruf bhala l-każ Terreni fl-1955 fi żmien gvern Laburista.
Hemm ftit differenza meta kien hemm l-attakk fuq Richard Cachia Caruana. Mhux il-Prim Ministru ħalla f’idejn l-awtoritajiet, imma l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien niżel hu fl-investigazzjoni u saħansitra jindaħal li tingħata proklama lil wieħed involut…..
Malajr kien hemm min kien beda jrid jgħid li kien xogħol il-laburisti !!
Umbagħad ħareġ li kien wieħed li kien jerfa’ lill-Kap tal-PN fuq spallejh kellu sehem tant importanti. U ma kenux il-laburisti!!
Issa waqt li bdejt nikteb irċevejt messaġġ li skont il-ġurnal Taljan La Repubblica għandhom x’jaqsmu fl-istorja tal-Mafja minħabba żejt mil-Libja eċċ eċċ. Għalija anke din hija biss ipotesi. Mhux imbilli tfajjar inti min inti.
Issa smajt teorija ġdida. Ħarġu bit-teorija fuq Net Television meta stiednu lil John Rizzo ex Kummissarju tal-Pulizija u wieġeb li ma tistax tgħid li dan hu delitt politiku.
Jekk wieħed ifittex xi jfisser delitt politiku, isib li jista’ jkun ta’ żewġ tipi. Jew kontra l-istat jew ordnat mill-istat jew minn stat. X’jiġifieri ? Ikun kontra l-istat meta l-omiċidju jsir bħala sfida jew twissija lejn il-pajjiż jew l-istat. Nieħdu eżempju minn qrib tagħna, meta qatlu lil Aldo Moro, mhux għax kellhom xi ħaġa personali kontra tieghu, imma hu kien figura importanti fl-Istat. Meta qatlu lil Sadat. Lil Gaddafi.
Umbaghad hemm l-omicidju politiku meta jkun ordnat mill-istat jew minn stat barrani. Qrib tagħna, kien hemm l-istorja faxxista Taljana, u l-qtil ta’ Giacomo Matteotti. Kien hemm fi żmienna l-qtil ta’ Salvatore Allende mill-Amerikani.
Issa jekk hawn xi ħadd li għandu provi, jersaq ‘il quddiem. Imma min għandu t-teoriji jkollu s-sabar u d-diċenza li jistenna l-iżviluppi tal-investigazzjoni Maltija u barranija.
Jien mhux se ngħid li naqbel ma’ xi waħda mill-istejjer li qed nisimgħu u nibqgħu nisimgħu. Malajr jiġri bħal ta’ Richard Cachia Caruana, jew ta’ Falcone meta l-isplużjoni tal-Mafja għamlet ħofra kbira fl-art.
Prudenza, b’rispett ukoll lejn il-vittma. Stajna ma qbilniex magħha, imma żgur irridu ngħidu li hi vittma.