L-għada ta’ laqgħa mal-imsieħba soċjali f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela nnota s-sinerġija bejn il-viżjoni tal-Gvern u dik tal-imsieħba soċjali.
F’intervista fuq ONE Radio, is-Sibt filgħodu, il-Prim Ministru spjega li waqt il-laqgħa f’Kastilja mal-MCESD, saru diskussjonijiet tekniċi u politiċi dwar pjanijiet studjati, dettaljati, costed u kif se jitwettqu.
Qal, “Ħadt pjaċir ħafna lbieraħ li nara l-viżjoni tal-Gvern u l-viżjoni tal-imsieħba soċjali li hemm sinerġija bejniethom, li jalignaw ruħhom fuq il-punti kollha li huma l-aktar importanti u għalhekk nagħtu din l-importanza kollha lil dan il-forum, bħall-MCESD għax iġib lill-imsieħba soċjali kollha, flimkien. Stajt nara mhux kemm id-diversi msieħba soċjali għandhom l-interessi tas-settur li jirrapreżentaw, imma fuq kollox l-interess tal-pajjiż. Tara dak l-għan wieħed dak tal-interess nazzjonali, fuq quddiem nett u anki meta għandek il-unions, min iħaddem fuq naħa, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, tal-employers, tas-settur mediku, id-diversi stakeholders, li mhux biss iħarsu settorjalment imma jħarsu l-interessi tal-pajjiż b’mod ħolistiku.”
Dan wassal għad-deċiżjoni biex is-sena d-dieħla, se jkun hemm irduppjar fl-investiment tad-distribuzzjoni tad-dawl, b’total ta’ €30 miljun. Il-Prim Ministru spjega li se jsiru ċentri ta’ distribizzjoni, jinbnew għexieren ta’ substations ġodda u se jiżdiedu kilometri ta’ cables taħt l-art.
Qal, “Pajjiżi oħrajn għandhom l-istess sfidi, jiġifieri l-ordnijiet ta’ dawn is-sistemi elettriċi kibru bis-sew, pero m’aħniex fi żġur se naqtgħu qalbna, sfidi hemm, imma se nkunu qegħdin naraw kif dawk l-isfidi nindirizzawhom u nagħmlu x-xogħlijiet li huma meħtieġa. Għandna tim iffukat fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, magħmulin min-nies tekniċi u li jafu s-suġġett sew. Huwa pjan, li mhux naturalment se jitlesta kollu sas-sena d-dieħla, se jkun hemm bidu b’saħħtu, imbagħad dak il-pjan irid jiġi implimentat, b’mod li naraw u ngħid li mhux biss nibnu l-pajjiż għal ħtiġijiet tal-lum, imma li nindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet għas-snin li ġejjin.”
Fl-istess waqt għaddejja ħidma biex pajjiżna jkollu t-tieni interconnector ma’ Sqallija sal-elfejn u sitta u għoxrin (2026) u hemm ukoll il-ftehim mal-awtoritajiet Libjani għall-interkonnesjonijiet rinnovabli.
Dwar l-isfida tat-tibdil fil-klima, il-Prim Ministru emfasizza li bħala pajjiż irridu nibqgħu fuq quddiem nett fl-inizjattivi kontra dan il-fenomenu.
Qal, “Kif għalhekk li lbieraħ ħabbart it-twaqqif ta’ awtorita li se tkun qed tiffoka propju fuq dan is-suġġett tal-effetti tat-tibdil fil-klima, jiġifieri l-funzjoni primarja ta’ din l-awtorita, mhux ħlomna biha din il-ġimgħa. Din hija awtorita li x-xogħol għat-twaqqif tagħha huwa numru ta’ xhur li beda. Primarjament nemmen li trid tagħti għarfien b’mod ġenerali lill-poplu tagħna dwar dan is-suġġett.”
Qal li pajjiżna diġà għamel ħafna f’dan il-qasam, primarjament il-qalba mill-enerġija għall-gass, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq il-proġett tax-Shore-to-Ship.
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li l-Partit Nazzjonalista kien konsistenti fit-triq tal-partiġjaniżmu.
Qal, “Fil-qasam tal-enerġija, nista’ ngħidlek b’ċertezza li għandek żewġ ċertezzi mal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel wieħed li huwa li l-kontijiet ogħla u t-tieni wieħed: l-inkonsistenza. Għaliex inkonsistenza? Għaliex jipproponu, x’jipproponu, il-prinċipju tagħhom dejjem idur li ħa nħallu s-suq miftuħ jiddetta hu, is-suq isuq, dak huwa l-prinċipju tagħhom.”