Il-borma tal-inkwiet u l-qasmiet li qed jherru lill-Partit Nazzjonalista kompliet tbaqbaq hekk kif is-Sindku Nazzjonalista ta’ San Ġiljan u kandidat fuq il-lista tal-Partit ta’ Bernard Grech fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Albert Buttigieg, ħareġ fil-pubbliku jakkuża lill-Partit tiegħu stess li biegħu għal tletin biċċa tal-fidda.
F’artiklu bit-titlu ‘Il-verità biss teħlisna’, li ġie ppubblikat fit-Times of Malta, Albert Buttigieg iddikjara li sar jaf li, qabel l-elezzjoni li għaddiet, xi ħadd għoli ħafna fil-Partit Nazzjonalista iltaqa’ ma’ kuntrattur kbir b’interessi kummerċjali u fil-kostruzzjoni f’San Ġiljan u tah il-kelma li kien se jagħlaq ħalq Buttigieg, li min-naħa tiegħu kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu.
Is-Sindku Nazzjonalista ta’ San Ġiljan jistaqsi jekk il-Kap Bernard Grech u l-amministrazzjoni tal-Partit kinux jafu b’din il-laqgħa u jekk kellhiex l-approvazzjoni tagħhom. Huwa jisħaq li dan l-episodju se jkompli jherri l-kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-kitba tiegħu fit-Times, Albert Buttigieg jilmenta li, fil-kampanja elettorali li għaddiet, li fiha kien kandidat fuq id-disa’ u l-għaxar distretti elettorali, il-Partit tiegħu stess tah il-ġenb għal kollox.
Jistaqsi jekk li hu ma jingħatax leħen fil-kampanja elettorali kienx il-prezz li l-Partit Nazzjonalista ħallas biex hu, jiġifieri Buttigieg, jiġi ttradut.
Il-korla hija evidenti fil-mistoqsijiet li jagħmel lill-partit tiegħu stess: “X’kien il-prezz li tħallas għal dan it-tradiment? Tletin biċċa tal-fidda? Huwa dan il-mod kif kelli nħallas talli semmajt leħni? Kien hemm ftehim biex isikktuni?”
Is-Sindku u kandidat Nazzjonalista kiteb kif, kemm qabel kif ukoll waqt il-kampanja elettorali, ma kienx mistieden imqar darba biex jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, jew biex jieħu sehem f’dibattitu jew f’xi attività tal-Partit biex jiddiskuti suġġetti li huwa kkwalifikat u għandu esperjenza fihom. Dan b’differenza għal kif sar mal-biċċa l-kbira tal-kandidati oħrajn, li l-Partit tahom viżibilità kuljum. Saħaq li dan mhux fair play, u akkuża lil dawk li sejħilhom “il-guri” tal-Partit Nazzjonalista talli għażlu numru ta’ kandidati preferuti u rmew lill-oħrajn.
Albert Buttigieg m’hux l-uniku kandidat li, fl-aħħar ġimgħat, iddikjara li ħassu ttradut mit-tmexxija ta’ Bernard Grech. Kemm waqt il-kampanja elettorali kif ukoll wara l-elezzjoni, kien hemm ukoll numru ta’ riżenji.
Fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali, erba’ deputati Nazzjonalisti – Clyde Puli, Kristy Debono, Mario Galea u Claudio Grech – ħabbru li ma kinux se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali.
Wara l-elezzjoni, imbagħad, Doris Borg irriżenjat minn kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fix-Xgħajra u baqgħet fil-Kunsill bħala kunsilliera indipendenti. Anki hija sostniet li kienet twarrbet mill-Partit Nazzjonalista u ntefgħet għal kollox fil-ġenb biex tiggwadanja kandidata oħra. Dakinhar, is-Sindku Ġiljaniż Buttigieg kien qal li l-Partit Nazzjonalista tilef persuna onesta u ħabbrieka u li oħrajn kienu se jagħmlu l-istess u jirriżenjaw mill-partit ta’ Bernard Grech.
Kien hemm ukoll il-każ ta’ Ivan Bartolo, li ftit wara l-elezjoni ġenerali rriżenja mill-Partit Nazzjonalista iżda baqa’ kunsillier independenti fil-Kunsill ta’ Raħal Ġdid. Huwa kkritika lill-Partit Nazzjonalista u qal li l-partit li kien jimmilita fih m’għadux jagħrfu.
Ftit wara l-elezzjoni wkoll, il-Viċi Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap jew xi kariga oħra fil-Partit Nazzjonalista.
Ftit ilu rriżenjaw ukoll mill-Partit Nazzjonalista Frank Psaila u martu Alessia Psaila-Zammit, li kienu membri tal-kumitat eżekuttiv tal-PN. Frank Psaila kien serva wkoll bħala Direttur Informazzjoni tal-PN u kien ikkontesta l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’ismu. Alessia Psaila-Zammit kienet kunsilliera lokali f’isem il-PN fis-Siġġiewi, pożizzjoni li rriżenjat minnha wkoll.
Wieħed ma jistax ma jsemmiix ukoll ir-riżenja riċenti ta’ l-eks deputat tal-Blue Heroes, Jason Azzopardi, wara kunflitt aħrax u fil-beraħ bejnu u bejn Bernard Grech.