Fl-aħħar jiem, il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kompliet bl-attakki tagħha fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, għax ma tarahx kredibbli biex imexxi l-Partit Nazzjonalista.
Edward Said, is-Sindku Nazzjonalista tan-Nadur li huwa ħu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said, kien fost l-esponenti ewlenin li kompla jattakka lil Delia u fakkru li bih il-Partit Nazzjonalista mhux jagħmel progress.
Fuq Facebook Edward Said kiteb – “Se nerġa’ nirrepeti dak li sostnejt xhur ilu. Jekk minn meta lhaqt Kap bi tmexxija ġdida lanqas biss sar pjan wieħed biss, lanqas tlajna tarġa waħda, lanqas żdiedet ftit il-fiduċja fik u fil-Partit tagħna… allura kif se nersqu qrib li xi darba nemmnu li nistgħu nkunu Gvern alternattiv. Ibqa’ aħseb… ibqa’ ttama… imma tal-inqas ipprova ddeċiedi.”
F’din il-gwerra li qed tkompli tikber fil-Partit Nazzjonalista, reġa’ beda jikteb Ivan Bartolo, li fis-sajf li għadda mexxa kampanja biex Delia ma jibqax fit-tmun tal-Partit.
Fuq is-Sunday Times, Bartolo kiteb li l-Partit Nazzjonalista jrid jinbidel jew jegħreq.
“In other words, finally, give birth to the New Way” kiteb l-eks kandidat Nazzjonalista wara li ddikjara li Delia ma rnexxielux iwettaq il-bidla radikali li qal li se jagħmel kważi tliet snin ilu meta wiegħed mod ġdid, iżda fi kliemu….kollox baqa’ kif kien.