Bħalissa f’Ghawdex għaddeja l-laqgha tas-Sindki u l-Vici Sindki, fejn ir-rappreżentanti tas-68 komunità madwar Malta u Għawdex qed iressqu s-suġġerimenti u l-ilmenti tagħhom.
Fost it-temi diskussa bejn illum u l-bieraħ kien hemm l-iskema tal-ħaddiema fil-komunità tal-ETC, it-Trasport Pubbliku, u r-riforma fil-MEPA. Ilkoll temi kruċjali għall-Kunsilli Lokali hekk kif jolqtu l-operat tagħhom fil-laħam il-ħaj.
Bejn ilmenti u suggerimenti, spikka l-kunsens ġenerali li t-Trasport Pubbliku miexi ‘l quddiem, waqt li r-riforma fil-MEPA se tagħti iktar saħħa lill-Kunsilli Lokali; kif deher biċ-ċar fl-aħħar jiem fil-każ ta’ Wied Għomor. Il-laqgħa tas-Sindki u l-Viċi Sindki ssir darbtejn fis-sena, bl-organizazzjoni tal-Assoċazzjoni tal-Kunsilli Lokali.