Numru ta’ sindki minn bliet u rħula differenti madwar il-pajjiż laqgħu b’mod tajjeb u jinsabu pożittivi ħafna rigward l-ewwel fażi tal-iskema ‘Vjal Kulħadd’, fejn il-Gvern se jkun iwettaq il-proġetti ssuġġeriti mill-kunsilli rispettivi.
Dawn ix-xogħlijiet se jsiru mill-aġenzija Infrastructure Malta b’investiment ta’ €10 miljun mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Il-Ministru Chris Bonett qal li x-xogħlijiet qed jiġu ppjanati bl-aħjar mod biex ikun hemm l-inqas inkonvenjent possibbli.
Il-lokalitajiet involuti se jaraw toroq u spazji miftuħa jiġu trasformati f’żoni aktar siguri u aċċessibbli, b’aktar siġar u ħdura, filwaqt li jiġi inkoraġġit aktar l-użu tar-rota.
Permezz ta’ din l-iskema ta’ ‘Vjal Kulħadd’, Ħal Tarxien qed jibbenefika minn proġett kbir li se jgħaqqad bejn Ħal Tarxien u Fgura, Triq San Tumas.
Joseph Abela Galea, Sindku, Ħal Tarxiex
Huma skemi bħal dawn li ovvjament kulħadd jaf l-fondi tal-Kunsilli Lokali huma limitati, imma bil-grazzja tal-Gvern Ċentrali u anke b’dawn it-tip ta’ skemi, aħna nistgħu nibbenefikaw billi nħallu raħal aħjar milli sibna.
Christopher Deguara, Sindku, in-Naxxar
Il-Mosta ħadna proġett minn tnejn li applikajna għalihom, proġett tal-Pjazza Anġlu Gatt li se nirriġenerawha, se nnaqqsu t-traffic flow minna ħa nkabbruha u ħa nagħmlu iktar parking spaces, iktar siġar, iktar natura u iktar spazju miftuħ gaħr-residenti ta’ dik iż-żona ta’ hemmhekk.
Joseph Gatt, Sindku, il-Mosta
Mela dan hu proġett importanti ħafna fejn ħa nagħmlu pjazza pedonali, is-saqqajja, ir-Rabat, biex prattikament nerġħu nagħtu din il-pjazza lura lir-residenti, huwa proġett fejn ser nżidu l-aspett pedonali, pero fl-istess ħin ukoll ser nagħtu mportanza ħafna lill-aspetti naturali u ambjentali tal-lokal tagħna.
Sandro Craus, Sindku, ir-Rabat
Dan hu proġett li ħa jsir fil-pjazza ta’ Ħ’Attard li oriġinarjament kienet saret fl-1998, bid-differenza li l-proġett l-ġdid il-pjazza ser tingħaqad minn quddiem sa wara.
Stefan Cordina, Sindku, Ħ’attard
Fejn se nagħtu l-pjazza lin-nies, iżda mhux biss ħa jgawdu minnhom ukoll is-soċjetajiet tagħna, kif ukoll l-anzjani r-residenti tal-komunita u kif ukoll in-nies li jiġu barra mir-raħal, Ħal Kirkop huwa post żgħir imma fih potenzjal kbir u se nerġgħu nagħtuh lura lin-nies li jixirqilhom.
Matthew Aguis Sammut, Sindku, Ħal Kirkop
Għal pjazza ta’ Bubaqra, pjazza li hi kwieta ħafna, traffikuża, għax jgħaddu ħafna nies għaċ-ċimiterju issa se nqajmuwha iżjed. Se nagħmlu iżjed planters, ħdura u tkun aċċessibbli tan-nies, biex jilagħbu fiha t-tfal, roti.
Rita Grima, Sindku, iż-Żurrieq
Il-qalba tar-raħal li għal għexieren ta’ snin ilna nafuha bħala waħda traffikuża u passaġġa mil-lokal għal ieħor, peró issa wasal iż-żmien li dak li ilna noħolmu għalih nwettquh billi noħolqu aktar passaġġi għar-residenti tagħna waqt li nneħħu l-emmissjonijiet tat-traffiku.
Clayton Cascun Portelli, Sindku, il-Fgura
Bħala lokalità tal-Mellieħa se nkunu qegħdin nibbenefikaw minn fond allokat mil-iskema ta’ ‘Vjal Kulħadd’ biex b’hekk proprju f’Selmun nagħtu sebħ ġdid, nagħtu dehra isbaħ u anke spazji fejn il-familji, kemm dawk Melliħin u anke dawk li qed iżuruna, inkunu nistgħu anke noffru dawn l-ispazji għat-tgawdija ta’ kulħadd.
Gabriel Micallef, Sindku, il-Mellieħa
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi applika biex jagħmel ir-riġenerazzjoni tal-pjazza fejn se jkun qed jagħti prijorità lill-pedestrian u fl-istess ħin innaqqsu l-ammont ta’ traffiku li qed jgħaddi intransitu mill-qalba tal-lokalità.
Johann Mula, Sindku, Ħal-Safi
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, spjega kif kien hemm madwar 40 applikazzjoni minn kunsilli differenti għall-iskema, li f’din l-ewwel fażi se tkun qed tara 14-il żona jiġu ttrasformati sa minn din is-sena stess.