Nar, fjuwil u periklu.
Dawn huma r-riskji li ta’ kuljum ħaddiema fil-Powerstation ta’ Delimara jistgħu jaffaċċjaw.
Riskji li mhux darba jew tnejn jistgħu jaħsdu l-ħajja ta’ min isibhom ma wiċċhom.
Kien għalhekk li l-Ġimgħa 23 ta’ Lulju, sar eżerċizzju ta’ taħriġ għall-emerġenzi fl-istess Power Station ta’ Delimara. Eżerċizzju li involva simulazzjoni ta’ inċident.
Dwar din is-simulazzjoni u d-dettalji dwarha ONE News tkellem mal-Inġinier Michael Falzon mill-Enemalta
Huwa spjega: “Is-simulazzjoni kienet tinvolvi inċident bħal li kieku jsir waqt manutenzjoni f’tank tal-fjuwil fejn s-simulazzjoni kienet li ħareġ xi fjuwil, ħa n-nar u weġġgħu n-nies u dawn kellhom jiġu salvati mit-teams li intervejnew. Bħal kull eżerċizzju aħna wara nagħmlu find out, rapporti u kif nistgħu nagħmlu l-affarijiet aħjar għal darb’oħra.”
B’kollox fuq il-post assistew disa’ vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ 25 uffiċjali tal-istess Dipartiment u anke dawk mill-Korp tal-Pulizija fost oħrajn.
L-Inġinier Damien Baldacchino tenna li dan l-eżerċizzju bil-liġi jrid isir kull sentejn sabiex jevalwa s-sitwazzjoni u l-mod ta’ kif l-Enemalta hija preparata għal dawn it-tip ta’ inċidenti li jistgħu jinqalgħu.
Huwa sostna: “Għal iktar informazzjoni fuq x’għandu jiġri f’każijiet ta’ emerġenza bħal dawn l-Enemalta għandha l-informazzjoni lill-pubbliku fuq il-website tagħha li wieħed jista’ jirreferi għaliha hemmhekk.”