Il-Korp tal-Pulizija flimkien mal-Ministeru għall-Intern ħabbru investiment ġdid f’forma ta’ simulatur avvanzat li jħarreġ lill-Pulizija dwar sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.
Simulatur li sewa madwar €115,000.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ta Kandja ġie spejgat kif permezz ta’ dan is-simulatur li jaħdem b’realtà virtwali, l-uffiċjali tal-Pulizija ser ikunu issa fiż-żarbun ta’ tifla li qed tara lill-ommha u l-missierha jiġġieldu.
L-ispettur Sylvana Gafa li tmexxi t-taqsima tal-appoġġ għall-vittmi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija spjegat kif dan se jgħin lill-Pulizija li jitrattaw dawn il-kazijiet sabiex ikunu aktar sensittivi mal-vittmi tal-vjolenza domestika.
Gafà stqarret, “Fejn jidħlu t-tfal speċjalment huwa importanti li l-Pulizija jifhmu aktar xi trauma qed tħalli fuq it-tfal li inti qed tara kollox għaddej minn quddiemek però ma tista’ tagħmel xejn dwaru ħlief li tara u tisma’ dak li jkun għaddej.”
Preżenti għall-konferenza attenda wkoll il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angela Gafà hekk kif spjega li matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena ġew irrapurtati 618 ir-rapport ta’ vjolenza domestika.
Żieda ta’ 15% fuq is-sena li għaddiet.
B’hekk biex ikompli jindirizza din il-pjaga soċjali l-Kummissarju Gafà spjega kif il-Korp issa ser ikun f’kuntatt ma’ aġenziji tal-Gvern u anke l-Qorti sabiex dawk li nstabu ħatja ta’ vjolenza domestika jagħmlu użu minn dan is-simulatur.
Il-Kummissarju tal-Pulizija saħaq, “Nidħlu f’kuntatt ma’ aġenziji oħra tal-Gvern anke mal-Qrati ħalli nuruhom dan is-simulator allura l-għan tagħna huwa li bħalma rridu nbiddlu l-attitudni tal-Pulizija fuq kollox inbiddlu anke l-attitudni ta’ dawn il-perpetrators tal-vjolenza domestika.”
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan it-tisħiħ kontra l-vjolenza domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ser jara wkoll li jkun hemm tolleranza żero fuq uffiċjali ta’ korp li ma jurux simpatija ma’ vittmi tal-vjolenza domestika.
Camilleri spjega kif il-Korp tal-Pulizija qed issaħħaħ ir-riżors uman kontra din il-pjaga soċjali.
Fil-fatt spjega kif ser titwaqqaf taqsima speċifika għal dan il-għan.
“Meta l-vittma tmur f’għassa tal-Korp tal-Pulizija jew quddiem xi uffiċjal ieħor tal-Korp tal-Pulizija u tgħidlu jew tipprova ttih x’tifhem li hija vittma ta’ domestic violence dak l-uffiċjal jew dik l-għassa ċċempel jew tikkomunika mal-iskwadra speċċjalizzata. Tiġi għalik fuq il-post, tieħdok jekk inti m’għandekx transport ġewwa post speċċjalizzat u tingħata anke għajnuna speċċjalizzata minn professjonisti fejn jidħol domestic violence.” Temm jgħid il-Ministru Camilleri.