Hekk kif aktar tard din il-ġimgħa pajjiżna se jfakkar il-mitt sena mir-rewwixti tas-Sette Giugno, fis-sala tal-ambaxxaturi tal-berġa ta’ Kastilja ttella’ simposju li mmarka dan l-avveniment.
Matul dan is-simposju mtella’ mill-Fondazzjoni għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Festi Nazzjonali tnieda wkoll ktieb b’numru ta’ opinjonijiet ta’ esperti b’rabta ma’ dan il-jum li ħafna jqisuh bħala l-bidu tat-triq għall-kisba tal-Indipendenza u finalment il-Ħelsien minn mal-kolonja Ingliża. L-editur ta’ dan il-ktieb huwa l-Professur Ray Mangion.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat rrimarka kif dakinhar il-poplu Malti ingħaqad wara kawża waħda u ma beżax isemma’ leħnu fil-konfront tal-ħakkiema Ingliżi.
Dr Muscat rrimarka li minkejja li bosta storiċi kitbu li l-Ingliżi kienu qed jistennew din ir-rewwixta sseħħ minħabba żieda qawwija fil-prezz tal-aktar affarijiet bażiċi, qal li l-imwiet tal-erba’ Maltin setgħu jiġu evitati u qal li dawn kienu kawża tal-falliment tal-istat imexxi mill-Ingliżi.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-irwol tan-nisa f’dan kollu.
“L-irwol tan-nisa f’dan kollu f’dak li ġara huwa totalment assenti mhux għax ma kienx hemm imma għax mhux dokumentat. Jien jinteressani ħafna li nkun naf allinqas bħala Malti meta ngħidu missirijietna idejjaqni ħafna, ommijietna u missirijietna żgur li kellhom effett u veru naqbel mill-ġdid ma’ Tonio Borg li ma jistax ikun li kienu sempliċiment bread riots imma anki kienu kienu bread riots kien hemm rwol kruċjali tan-nisa”
Fost dawk li tkellmu fi grupp ta’ esperti kien hemm ukoll il-Professuri Joe Friggieri, Geodfrey Pirotta, Alfred Sant u Tonio Borg.
Il-Professur Friggieri spjega li l-kuntest li fih seħħew l-irvellijiet tas-sebgħa ta’ Ġunju huwa kuntest storiku li baqa’ jevolvi tul is-snin. Il-Professur Pirotta qal li dkainhar iż-żgħażagħ ħmew pjan sabiex ibiddlu u jeħilsu lil Malta mill-ħakma u dipendenza barranija.
Tonio Borg kompla fuq l-argumenti ta’ Pirotta u fakkar kif ġimgħa qabel l-irvellijiet tas-Sette Giugno l-istudenti Universitarji kienu għamlu protesti oħra b’rabta mal-istess kwistjoni.
Alfred Sant spjega kif id-dimensjoni li wasslet għal irvellijiet kienet ċirkostanza unika għal dak iż-żmien u t-tifsira ta dan l-episodju tkompli tinbidel skont il-perjodu li nkunu qed ngħixu fih.