Is-Sinjura Simone Azzopardi se tħalli l-kariga ta’ Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika minħabba raġunijiet personali.
Hija se tkompli sservi f’din il-kariga fil-perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm jinħatar kummissarju ġdid.
Tul iż-żmien li serviet fil-kariga, Simone Azzopardi ħadmet biex ikun hawn aktar kuxjenza dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Hija ħadmet fil-qrib mal-vittmi u ressqet il-Kummissjoni aktar qrib l-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu fis-settur.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza tenna l-impenn tiegħu li jsaħħaħ ix-xogħol li diġà sar u nnota li l-allokazzjoni finanzjarja f’dan is-settur żdiedet bi kważi 75% biex din il-kummissjoni tkun aktar effettiva fil-ħidma tagħha.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar irringrazzjaw lil Simone Azzopardi għall-ħidma tagħha.